It-tieni jum tal-ġimgħa – u t-tieni każ ta’ aggressjoni serja fi skola, din id-dabra fil-Kulleġġ San Injazju, f’Tal-Ħandaq Ħal Qormi.
Net News hu infurmat li l-aggressjoni seħħet minn naħa ta’ studenta li għamlet għall-Kap tal-Iskola tal-istess Kulleġġ. Dan wassal biex għal xi ħin inqalgħet kommossjoni sħiħa fl-iskola, tant li kellhom jissejħu l-Pulizija.
Dan il-każ hu t-tieni wieħed f’ġimgħa, wara li lbieraħ seħħ argument bejn żewġ studenti fl-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke, parti mill-Kulleġġ Santa Klara, wassal biex żewġ edukaturi sofrew feriti ħfief u kellhom jittieħdu fil-Poliklinika għall-kura.
L-argument bejn iż-żewġ studenti beda għall-ħabta tal-11am u għal xi raġuni, matulu weġġgħu wkoll iż-żewġ edukaturi, li aktarx ippruvaw iferrquhom. L-Amministrazzjoni tal-Iskola sejħet għall-ġenituri tal-istudenti, iżda x’ħin il-ġenitur u qraba ta’ wieħed mill-istudenti waslu fl-Iskola, is-sitwazzjoni kompliet teskala.
Kienet l-Union tal-Għalliema (MUT) li fil-ġimgħat li għaddew appellat lill-Gvern biex jiżdiedu l-mezzi kollha possibbli tas-sigurtà ħalli jkunu evitati kwalunkwe forma ta’ vjolenza. Issa, l-MUT reġgħet għamlet l-istess appell wara dan l-aħħar każ, xahar wara l-appell oriġinali u hekk kif l-Union tal-Għalliema rrealizzat li t-talba tagħha tidher li waqgħet fuq widnejn torox.
//= $special ?>