L-attur famuż Irlandiż Liam Neeson, li kiseb fama dinjija permezz ta’ films bħal ‘Taken’, ‘Schindler’s List’ u ‘Michael Collins’ spiċċa fiċ-ċentru ta’ polemika razzista wara li żvela li hu, darba, ‘kellu l-intenzjoni li joqtol raġel iswed’.
Sadanittant, Neeson — waqt dehra fuq il-programm (tal-ABC) Good Morning America — insista kategorikament li mhux razzist filwaqt li sostna li ‘jixtieq li l-kummenti oriġinali tiegħu jwasslu għal dibattitu akbar dwar ir-razziżmu fejn in-nies ineħħu dak li għandhom fuq l-istonku’.
Neeson, li qed jippromwovi l-film ġdid tiegħu ‘Cold Pursuit’, qal li, żmien ilu, hu kien spiċċa jdur fit-toroq b’arma fuq persuntu ‘u bit-tama li joqtol bniedem iswed bi tpattija’. Dan wara li qariba tiegħu (illum mejta) kienet spiċċat stuprata minn raġel iswed, b’Neeson jammetti ma’ The Independent ta’ Londra li ‘ladarba tkun irrabjat, kapaċi titlef ir-raġuni b’mod li joħroġ l-element primittiv ta’ ġo fik’.
Neeson iddeċieda li jiżvela din l-‘esperjenza’ meta kien qed jitkellem (fl-intervista) dwar il-kruha ta’ sitwazzjoni fejn membru tal-familja jispiċċa mweġġa waqt aġir kriminali.
L-attur qal li l-istupru inkwistjoni kien sar ħafna snin ilu, u, waqt l-intervista, uża kliem offensiv u interpretati bħala ‘razzisti’ dwar ‘l-aggressur li l-vittma kienet fissritu bħala raġel iswed’.
Neeson qal li llum jiddispjaċih għas-sentimenti li kien qed jgħix bihom u rrakkonta li ‘dam il-ġranet iġorr lembuba taħt il-ġakketta tiegħu hu u jittama li jispiċċa provokat minn xi raġel iswed biex ikun jista’ jiskuża r-reazzjoni vjolenti inevitabbli’. L-attur ta’ 66 sena, illum, jammetti li din kienet attitudni terribbli u li hu tgħallem lezzjoni minnha — filwaqt li sostna li ‘jifhem kemm hu perikoluż li tippersisti bis-sens tat-tpattija’.
Madankollu Neeson spiċċa kritikat minn diversi sorsi għall-‘kummenti vjolenti rigward il-persuni suwed’; b’uħud itennu li ‘l-attur ippreżenta l-allegat stupru bħala eżempju biex jiġġustifika l-intenzjonijiet vera tiegħu għal persuni li mhumiex tal-istess kulur’.
L-intervista qanqlet ukoll reazzjoni furjuża fuq l-Internet, bin-nies jikkundannaw lil Neeson bħala ‘razzist’ minbarra li kkritikaw lill-ġurnalista responsabbli ‘talli pprovda kuntest psikoloġiku għar-reazzjoni tal-attur’.
//= $special ?>

