Internazzjonali

L-Emirati Għarab: Il-Papa jikkonkludi ż-żjara b’quddiesa storika f’Abu Dhabi

Il-Papa Franġisku mexxa quddiesa storika għall-pubbliku fiz-Zayed Sports City ta’ Abu Dhabi u li attendew għaliha madwar 170,000 Kattoliku. L-avveniment, intant, ikkonkluda l-ewwel żjara minn Kap tal-Kattoliċi fir-reġjun tal-Golf li hu s-sede tal-Iżlam.

Il-popemobile tal-Papa kien milqugħ minn folol kbar ta’ devoti, bl-arja ta’ ċelebrazzjoni ma tonqosx sal-ħin meta Franġisku wasal sa fuq l-artal fejn kien twaqqaf salib enormi. Dan is-salib spikka waqt is-servizz reliġjuż fil-miftuħ li ma kellux preċedent f’pajjiż li, is-soltu, jillimita s-servizzi ta’ devozzjoni għall-Kristjani għall-knejjes.

Il-Kap tal-Kattoliċi dejjem insista dwar l-importanza tal-kuntatti u d-djalogu mal-komunitajiet Musulmani u dan kien evidenti waqt din iż-żjara ta’ tlett ijiem.

Filwaqt li l-Papa, fl-aħħar jiem, tkellem fil-pubbliku dwar il-ħtieġa li jintemmu l-gwerer fil-Lvant Nofsani u li jkunu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini kollha, hu, waqt l-omelija tallum, indirizza speċifikament lill-għexieren tal-eluf tal-ħaddiema immigranti fl-Emirati.

Hu qal li ‘żgur li mhux faċli għal dawn in-nies li jgħixu ‘il bogħod minn djarhom waqt li jħossuhom inċerti mill-futur’. Dan meta fl-Emirati Għarab qegħdin jgħixu madwar miljun Kattoliku u biż-żjara tal-Papa tintlaqa’ tajjeb ferm mill-Kattoliċi Indjani u Filippini li jikkostitwixxu l-parti kbira tal-ħaddiema barranin fit-territorju.

Preżenti għall-quddiesa tallum fis-Sports City kien hemm mal-50,000 Kattoliku bil-biljetti għad-dħul, meta aktar minn 120,000 oħra nġabru barra biex jassistu għall-quddies permezz ta’ video-link fuq is-screens kbar li ttellgħu fl-inħawi.

It-Tmexxija tal-Emirati Għarab għamlet iż-żjara tal-Papa possibbli bħala parti mis-‘Sena tat-Tolleranza 2019’ meta l-pajjiż għandu wkoll Ministeru speċifiku li qed jaħdem lejn it-tragwardi relatati.