L-uffiċċju tal-Unjoni Ewropea li jinvestiga rapporti ta’ frodi, magħruf aħjar bħala l-OLAF, irċieva sensiela ta’ talbiet biex jinvestiga dak li għaddej fir-residenza San Vinċenz de Paul.
Dan hekk kif hemm allegazzjonijiet serji li l-kumpanija X-Clean Limited, ingħatat sensiela ta’ direct orders għal servizzi ta’ tindif f’din ir-residenza b’mod abbużiv. Dan għaliex ħadet kuntratti mill-Gvern saħansitra jiem biss wara li ġiet reġistrata bħala kumpanija.
Il-kumpanija s’issa, fi żmien ta’ tliet snin biss, ingħatat xogħol li jlaħħaq id-€9 miljun b’direct orders, jiġifieri mingħajr ma nħarġet sejħa għall-offerti u bi ksur tar-regoli tal-procurement.
Dawn l-abbużi bi flus il-poplu wasslu biex kemm il-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker kif ukoll l-OLAF irċivew sensiela ta’ dokumenti u rapporti anonimi fejn jintalbu biex issir investigazzjoni formali.
Minkejja li r-rapporti għal investigazzjoni formali saru b’mod anonimu, l-OLAF ikkonferma li xorta waħda tista’ tinfetaħ investigazzjoni.
Minkejja li f’dan il-każ, il-flus mgħoddija lil din il-kumpanija huma flus tal-poplu Malti u Għawdxi, l-allegazzjonijiet jindikaw li l-kuntratti ngħataw bi ksur tar-regoli tal-procurement tal-Unjoni Ewropea….li Malta hi obbligata li ssegwi.
Matul iż-żmien, X-Clean mhux talli bdiet titlob il-flus tat-tindif imma wkoll ta’ servizzi oħra bħal dawk ta’ hairdressers, technicians, segretarji u ġardinara fost oħrajn. Dan fl-istess waqt li d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kuntratti, Anthony Cachia ddikjara li l-uffiċċju tiegħu m’approvax dawn is-servizzi.
Interessanti l-fatt illi x-xogħol li ħadu X-Clean b’direct orders ma jiqafx biss sar-residenza San Vinċenz de Paul, imma wkoll f’diversi djar oħra tal-Gvern madwar il-pajjiż. Kien biss wara li dawn l-abbużi ħarġu fil-midja, fuq it- Times of Malta, li l-Gvern ħareġ sejħa għall-offerti.
//= $special ?>