OVERSEAS………… 7 STOMPERS……….. 19
Stompers kellhom jitħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Overseas 19-7 u kienu biss lejn tmiem l-ewwel taqsima li marru minn fuq l-ewwel darba. Overseas offrew sfida denja fejn bdew jilagħbu b’passjoni filwaqt li d-daħliet tagħhom kienu b’saħħithom. Għalihom spikka t-tieni rower Paolo Zanin li għamel try tries. Huma fetħu l-iskor wara 14-il minuta bi try ta’ Theo Briffa, b’Aiden Grech jagħmel il-conversion.
Stompers irnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs wara nofs siegħa logħob b’Paolo Zanin jagħmel l-ewwel try għat-tim tiegħu filwaqt li Richard Gum segwa bil-conversion. Zanin irnexxielu jpoġġi lil Stompers minn fuq tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima meta evita daħla u ġera għal 15-il metru, b’Stompers jidħlu jistrieħu 12-7.
Fit-tieni taqsima, Overseas kellhom ir-riħ warajhom u bdew jilagħbu għat-territorju bi blalen fit-tul fil-kantuniera, iżda ma bdewx jikkonvertu t-territorju f’punti.
Try minnhom tħassar għal knock on viċin il-linja tat-try. Lejn nofs it-taqsima, Stompers kabbru d-distakk għal 19-7 meta wara li Matt Stoker, Emmanuel Debart u Dimitri Duberne pruvaw iwaqqfu l-azzjoni, Stompers komplew javvanzaw u ppermettew lil Zanin biex jiskorja t-tielet try personali, b’Gum jagħmel il-conversion.
Id-diżappunt ta’ Overseas li ma jiħdux vantaġġ mir-riħ favur tagħhom wassal fi frustrazzjoni meta Matt Stoker intwera l-karta l-ħamra minħabba protesti wara li deċiżjoni tar-referee marret kontrih.
Referee: Sam Ramage
//= $special ?>