Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, għall-ħabta tas-1.30, il-Pulizija tal-RIU u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu msejħa fil-Ħamrun wara li ntlemaħ raġel ferut.
Waqt tfittxija li għamlu, l-ewwel fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh, li mbagħad kompliet fi Triq San Vinċenz, semgħu ħoss ġej minn garaxx. Hekk kif daħlu fil-bitħa tal-garaxx lemħu raġel midrub.
Mill-investigazzjonijiet li saru, irriżulta li r-raġel waqa’ minn għoli wara li deher jipprova jisraq xi residenzi. Hu prova jaħrab lill-Pulizija billi għadda minn fuq ċint, u qabeż żewġ sulari, bil-membri tal-RIU jiġru warajh armati.
Il-ħalliel, li huwa Rumen kellu jittieħed b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei wara li ngħata assistenza minn tim mediku fuq il-post. Hu ġie ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Fuq ir-ragel instabu ammont ta’ flus kontanti.
Ir-Rumen qed jinżamm arrestat filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejin.
Riċentament f’din l-istess zona tal-Ħamrun saru diversi raids mill-Pulizija, il-maġġoranza tagħhom marbuta ma’ barranin imdaħħla fi ċrieki ta’ traffikar ta’ droga.