L-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja Naxxar, qed ittella’ wirja b’xogħol maħdum minn Adonai Camilleri Cauchi.
L-iskop wara din il-wirja huwa biex jitfakkar it-30 sena mit-twaqqif tal-istess Soċjetà u 10 snin minn meta ġiet maħduma l-faċċata tal-istess każin, li kien l-istess Adonai li għamel id-disinn tagħha.
Fost l-oħrajn fil-wirja hemm statwa tad-dimostrazzjoni ta’ Marija Bambina, u kif ukoll numru ta’ abbozzi ta’ Kristu Rxoxt ta’ Ħal Luqa, il-monument ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq kif ukoll tal-Madonna tar-Rużarju tal-knisja ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi.
Wieħed isib ukoll numru ta’ drappijiet u statwi li Camilleri Cauchi ħadem għal numru ta’ festi madwar Malta u Għawdex, kif ukoll xogħol b’rabta mal-Milied u anki l-Karnival.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sas-17 ta’ Frar, fejn fost il-Ġimgħa tkun miftuħa kuljum mis-6pm-8pm u l-Ħadd, mill-10am sa nofsinhar u mis-6pm sat-8pm.