Sport Sport Ieħor

Valletta Subbuteo Club u Jurgen Balzan jaslu sas-semifinali tal-Grand Prix ta’ Franza

Il-klabb Valletta Subbuteo Club kif ukoll iż-żagħżugħ Jurgen Balzan waslu sas-semifinali fil-kategoriji rispettivi tagħhom fil-Grand Prix ta’ Franza li sar f’Issy-Les-Moulineaux u li kien organizzat mill-FISTF.

Il-Ħadd kienu fl-azzjoni Valletta Subbuteo Club fil-kompetizzjonijiet tat-timijiet. It-tim kien iffurmat minn Derek Conti, Jurgen Balzan, Pascal Scheen u Axel Donval.Huma waslu mal-aħħar erbgħa iżda kienu eliminati minn SC Charleroi 3-0 li eventwalment spiċċaw rebbieħa tal-kompetizzjoni. It-Tim Taljan Master San Remo li magħhom jilgħab il-Malti Jason Pisani wasal sal-kwarti tal-finali.

Jurgen Balzan kien qed jikkompeti fil-kategorija individwali ta’ taħt id-19-il sena. Hu kien megħlub fis-semifinali minn Theo Modeste 2-1 b’sudden death, b’Modeste jispiċċa wkoll rebbieħ tal-kategorija.

Is-Sibt intlagħbet il-kompetizzjoni individwali. Fil-kategorija Open, Derek Conti kien eliminat mal-aħħar 16 kontra Antonio Mattivieri 1-0. Massimo Cremona wasal sal-kwarti tal-finali u tilef 3-0 kontra Christophe Dheur, filwaqt li Jurgen Balzan ikkompeta wkoll f’din il-kategorija iżda kien eliminat mal-aħħar 32 b’telfa kontra Christophe Dheur 1-0. Fil-kategorija tal-Veterani, Jason Pisani kien eliminat fil-kwarti tal-finali b’telfa ta’ 1-0 kontra David Busch.