Ambjent Lokali

Il-Gvern jibqa’ jirrifjuta li jippubblika l-ftehim li kien iffirma mal-privat biex art pubblika tingħata għall-ispekulazzjoni u l-bini

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa' jiddefendi l-art tal-poplu

Il-Gvern għandu jippubblika minnufih il-memorandum of understanding li kien iffirma fl-2015 mal-privat biex minn wara dahar il-poplu jagħti bix-xejn medda kbira ta’ art pubblika f’żona strateġika għall-ispekulazzjoni u l-bini. Minflok, il-Gvern Laburista qed jinsisti li jaħbi dan il-memorandum of understanding li kien ffirma fl-2015 mal-privat dwar l-iżvilupp li qed jiġi propost f’din iż-żona strateġika f’San Ġiljan, u ma jridx jippubblikah.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata minn Robert Arrigo, Viċi Kap u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu, Marthese Portelli, Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà u Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives.

L-istqarrija tkompli tgħid kif f’laqgħa tal-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-Parlament, il-membri tan-naħa tal-Gvern oġġezzjonaw b’qawwa li dan il-memorandum of understanding jitressaq u li ssir diskussjoni fuqu, bl-iskuża li dan se jinbidel. Matul il-festi tal-Milied, il-Gvern ried li jgħaddi dan il-ftehim mill-Parlament u kienet l-Oppożizzjoni li waqfitu, fuq struzzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Il-Gvern Laburista jrid jagħti 100,000 metru kwadru ta’ art fl-aqwa parti ta’ Malta, u li tiswa €800 miljun għal €17-il miljun biss lil kumpanija privata bla proċess ta’ offerta miftuħa għal kulħadd. Dan b’detriment ukoll għal investituri oħra.

Il-membri tal-Gvern oġġezzjonaw ukoll li ssir laqgħa oħra tal-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, u li fiha jkun hemm aktar xhieda dwar dan l-iżvilupp, fejn il-Gvern irid jagħti art pubblika bix-xejn għall-ispekulazzjoni u l-bini meta ma għamilx proġett wieħed ta’ housing soċjali, u hawn min m’għandux saqaf fuq rasu. Il-Gvern qiegħed jinsisti li jaħbi dan il-memorandum of understanding sabiex jaħbi klawsoli li jiddeterminaw l-iżvilupp propost u l-impatt dirett ambjentali li l-ippjanar se jħalli fiż-żona.

Matul il-laqgħa tal-Kumitat, il-Ministru Konrad Mizzi baqa’ jaħrab milli jwieġeb għall-iktar mistoqsijiet bażiċi dwar il-proġett, fosthom dwar kemm-il torri għal skopijiet residenzjali se jinbnew u kemm-il sular se jkunu għolja. Mistoqsijiet oħra li saru mill-membri tal-Oppożizzjoni jekk sarx studju tal-impatt dwar l-impatt ambjentali biż-żieda fit-traffiku bl-iżvilupp baqgħu mhux imwieġba min-naħa tal-Gvern.

Fuq talba li ressqet l-Oppożizzjoni, l-Gvern ma aċċettax lanqas li l-Kumitat jisma’ x’għandhom xi jgħidu l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità dwar l-Ambjent, is-Sindki ta’ San Ġiljan u Pembroke, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, iċ-Chairman tal-IHI u l-konsulenti tal-Ministru Konrad Mizzi dwar din l-art f’San Ġiljan. Dan meta kien il-Ministru Konrad Mizzi stess li ammetta li dan il-proġett se jdum bejn 20 u 25 sena sakemm jitlesta, u dan se joħloq inkonvenjenti kbar lir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet għal ammont konsiderevoli ta’ snin.

L-istqarrija ttem tgħid li issa jidher ċar li l-Gvern m’għandux pjan għal din iż-żona u lanqas kif dan l-iżvilupp se jkun qed jolqot l-inħawi u lir-residenti tal-lokalitajiet ta’ San Ġiljan u Pembroke. Filwaqt li l-Oppożizzjoni dejjem kienet u se tibqa’ favur l-investimenti fit-turiżmu ta’ kwalità, mhux se tippermetti li art pubblika tingħata bix-xejn mingħajr ħruġ ta’ tender għall-ispekulazzjoni meta hawn anzjani u sidien ta’ negozji żgħar li meta jagħlqilhom iċ-ċens jispiċċaw barra jew b’xejn.