– Maria Deguara, PN
Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet li pensjoni xierqa għandha tiggarantixxi u tippermetti li kull persuna li tilħaq l-età tal-irtirar tkun f’pożizzjoni li tgħix ħajja dinjituża, independenti u li tippermettilha li jkollha għażla aktar ħielsa u wiesa’ fejn jidħlu deċiżjonijiet li jolqtuha direttament.
Hi qalet li llum nitkellmu fuq kemm l-ekonomija ta’ pajjiżna għaddejja b’rittmu mgħaġġel u kemm suppost sar hawn flus fl-idejn. Minkejja dan, dawk l-anzjani fostna li l-uniku inrojtu tagħhom hija l-pensjoni kontributorja qegħdin dejjem aktar jiffaċjaw diffikultà biex ilaħħqu ma’ l-għoli tal-ħajja.
Il-pensjoni tal-irtirar hi baxxa u biż-żidied żgħar li jingħataw kull sena dawk b’pensjoni kontributorja baxxa jew media qed dejjem ikollhom jagħmlu sagrifiċċji akbar biex ilaħħqu. Anzi bosta minnhom iħossuhom bir-raġun resqin dejjem aktar qrib li jgħixu fil-povertà. Għal dawk li jirċievu pensjoni ta’ diżabbilità jew waħda li mhix kontributorja, is-sitwazzjoni hi aktar prekarja.
Is-sistema preżenti li trid tagħmel tajjeb għal pensjoni fil-futur jinħtieġ tinbidel. Jekk se tibqa’ finanzjata kif hi illum tista’ twassal biex il-pensjonijiet fil-futur ma jkunux jgarantiti.
Aktar ma jikber l-għarfien fil-kamp mediku aktar se ngħixu fit-tul u numru akbar minnha se jqattgħu l-aħħar żmien ta’ ħajjithom rikoverati, dipendenti fi sptar jew reżidenza għall-anzjani. Aktar ma’ tonqos ir-rata tat-twelid, anqas se jkun hemm persuni jaħdmu biex jagħmlu tajjeb għal pensjoni fil-futur.
Dan se jfisser li aktar ma jgħaddi iż-żmien aktar se jkollna niddependu fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin bil-periklu li magħhom iġibu kulturi, drawwiet u twemmin differenti. Ir-riperkussjonijiet ta’ dawn il-bidliet fuq it-tessut tal-komunità Maltija wieħed għad irid janalizzhom b’mod oġġettiv. Aktar ma tikber l-ekonomija aktar nisa se jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol u allura jkollhom anqas ħin minn ta’ qabilhom jiddedikaw ħin mal-familja.
Hi qalet li aktar ma nikbru aktar se jkollna bżonn kura speċjalizzata u għal periodu itwal ta’ żmien. Dawn il-fatti ser jissarfu f’infieq aktar qawwi u piż ogħla fuq il-finanzi tal-pajjiz. Kien hemm pajjizi li għamlu ring fencing tas-sistema tas-saħħa, jiġiefieri li kontra dak li nipprattikaw ġewwa pajjizna, iddeċidew li jallokaw persentaġġ fiss mill-kontribuzzjoni tal-bolla biex tkopri l-infieq fis-saħħa. Din d-deċiżjoni fissret li l-infieq għas-saħħa beda jiġi mnaqqar bil-konsegwenza li numru ta’ servizzi tnaqqru għaliex meta din is-somma miġbura tinqabeż, is-servizzi jieqfu. Bħala poplu sal-lum aħna nħaddnu valuri differenti. Għadna kommessi li l-livell tas-saħħa tajjeb u ta’ kwalità ogħlja nipprovduħ bid-dritt, il-ħin kollu u lil kulħadd. Hekk nemmen li għandu ikun. Din iż-żieda fin-nefqa fis-saħħa se tkompli tikkompeti direttament man-nefqa li dejjem tiżdied tal-penzjoni tal-irtirar.
Wasal iż-żmien biex inżidu l-inizjattivi biex inħajru lill-ġenerazzjoni preżenti biex tinvesti fi skemi oħra li tissupplixxi l-pensjoni konributorja preżenti. Dan biex niżguraw li l-kontribuzzjonijiet ta’ min illum qiegħed fid-dinja tax-xogħol niggarantulhom livell ta’ għajxien u kwalità ta’ ħajja diċenti meta jaslu biex jirtiraw.
Nuqqas li niltaqa’ miegħu spiss hu n-nuqqas kbir fejn tidħol l-għażla li jaffaċċaw numru kbir ta’ pensjonanti fejn tidħol l-għażla tal-kura. Minħabba restrizzjonijiet finanzjarji ftit huma l-anzjani li jistgħu jfittxu u jirrikorru għal kura fil-privat.
Bħala pajjiz għandna professjonisti u servizzi tas-saħħa tajba, ġenerużi u tal-goħla kwalità. Però jibqa l-fatt li dawk il-pensjonanti li jixtiequ jirrikorru għal servizzi mediċi fil-privat isibuha ferm diffiċili.
L-istess iħossu li jekk jixtiequ li minflok residenzi tal-gvern jew xi forma ta’ rikoveru ieħor imorru fi djar fil-privat jew tal-knisja malajr jindunaw li bil-pensjoni li jiriċevu din l-għażla mhix posibbli. Għal bosta anzjani li jitilqu minn darhom u minn fejn trabbew u għixu, hija esperjenza trawmatika. Numru minnhom jippreferu jingaġġaw persuna li ddur bihom fi djarhom stess. Ħafna drabi dan ikun possibbli biss jekk qrabathom idaħħlu idejhom fil-but.
Għandna naħsbu bis-serjetà kif nistgħu ngħinu dawn l-anzjani aktar milli diġà qed jagħmel il-Gvern għar-raġuni li meta jibqgħu fi djarhom ikunu qegħed jiffrankaw flejjes kbar lil-istat.
L-iskemi biex iħajru u jgħamluha aktar faċli biex membri tal-familja jieħdu dan l-inkarigu huma pass fid-direzzjoni t-tajba u għandhom jiġu estiżi gradwalment. Però ma nistgħux nibqgħu niddependu esklussivament u nemnu li dan is-servizz serjibqgħa jingħata b’xejn minn membri tal-familja jew qraba. Għaddew numru ta’ liġijiet biex nistabbilixxu standards f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ikel, kompetenza tal-caring professions u liġijiet fuq id-drittijiet tal-pazjenti jew anzjani.
Maria Deguara qalet li ngħaddu liġijiet ta’ l-istandards bħal dawn hija ħaġa tajba ħafna u hekk għadu jkun. Li ma narawx li qed jiġu implimentati kif suppost huwa nuqqas kbir. Bl-iskuża li għandna nuqqas ta’ karers qegħdin naċċettaw barranin li lanqas jikkomunikaw mal-morda jew mal-anzjani la bl-Ingliż u lanqas bil-Malti. Hemm bżonn ukoll li niżguraw li jkunu jafu imorru ma’l-anzjani speċjalment meta jkunu qed ibidlulhom, jagħtuhom x’jieklu jew inaddfuhom.
Ir-responsabbiltà aħħarijja tibqa’ dejjem ta’ min jimpjeghom li jara li jkunu jissodisfaw ir-rekwisiti kollha mitluba skond il-liġi. Kien pożittiv ukoll il-pass jew aħjar il-ftehim li tħabbar mil-GWU fejn carers ma għandhomx jibqgħu jiġu imġiegħla jagħmlu xogħol ta’ infermiera. Dan jerġa’ għal darba oħra jikxef il-bżonn urġenti li jsiru sforzi akbar biex ikollna numru adekwat ta’ infermiera kwalifikati Maltin biex ma nsirux niddependu aktar fuq importazzjoni ta’ ħaddiema barranin kif ġara f’setturi oħra.
Żdied it-tħassib fost l-anzjani rikoverati fi djar ta’ Gvern, tal-privat u tal-PPP li l-istandard tal-ikel mogħti lilhom qed jiddetterjora kuljum. L-għan oriġinali li jkun hemm taħlita ta’ anzjani ġejjin kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mil-privat taħt saqaf wieħed kien li kellu jixpruna titjib fis-servizz. Ir-riżultat fil-prattika kien bil-maqlub u wassal biex dawk li daħlu fid-djar u jħallsu minn buthom raw is-servizz tal-catering bil-mod il-mod imur lura. L-ikel li jitqassam għandu jkun bnin u kompatibbli mal-kundizzjoni medika tal-pazjent. L-istess jiġri meta jiġu organizzati ħruġ għall-anzjani.
L-ikel tagħhom ikun pastizzi, pasti u sandwitches. Importanti ukoll li l-carers li jqassmu l-ikel fl-istituzzjonijiet jiżguraw li dawk il-persuni li ma jkunux jistgħu jieklu waħedhom jiġu mitmuha. Ħafna minn dawn in-nuqqasijiet ma jsirhux minn tal-familja lil min hu finalment responsabbli sempliċiment għax jibżgħu li l-anzjan jiġi vittimizzat.
Waqt li mpjegati tal-gvern jitħallsu bir-rata ta’ €7.5 fis-siegħa oħrajn li jaħdmu ma’ kumpaniji privati u jipprovdu l-istess serviż jitħalsu €4.50 fis-siegħa u allura bir-raġun iħossuhom qed jiġu sfruttati. Din hija inġustizzja kbira u għandha tieqaf jekk verament nemmnu li d-dinjità ta’ kull persuna li tgħix u taqla’ l-għixien ta’ kuljum ġewwa pajjieżna hi ta’ liema nazzjonalità hi tiġi issalvagwardjata mhux bil-kliem imma bil-fatti.
Maria Deguara qalet li l-waiting lists għall-operazzjonijiet u għall-appuntamenti għall-out-patients naqsu drastikament.
Minkejja dan, appuntament għall-ortopedija, għall-urologi, klinika tad-diabete, għal njuroloġija u oħrajn għadhom jingħataw ħafna xhur wara. Dan il-fatt għadu kemm ġie ikkonfermat minm studju tal-Kummissjoni Ewropea li kkonferma li l-istennija għal appuntamenti huma l-itwal fost il-pajjiżi ġirien tagħna. Dan iwassal biex numru akbar ta’ pazjenti ifittxu l-kura fil-privat. Però mhux kulħadd komdu finanzjarment li jista’ jagħmel dan. Veru li hemm id-Dipartiment tal-Emerġenza għal każijiet urgenti. Soluzzjoni waħda hi li nsaħħu bis-serjetà s-servizzi fil-komunità biex nevitaw li pazjenti jirrikorru l-isptar mingħajr il-ħtieġa. Mhux kulħadd jista’ jħallas għall-kura fil-privat.
Hi tkellmet ukoll dwar il-bżonn li l-iskart organiku jinġabar minn kmieni u qabel skart ieħor. Fil-klima sħuna tas-sajf Malti li se jiġri hu li l-iskart organiku ser jibda jiffermenta u jrejjaħ ħafna u ikun ta’ inkonvenjent u periklu għas-saħħa.
Hi rrimarkat li peress li s-servizzi mogħtija lit-tfat bl-awtiżmu m’humiex ilaħħqu mad-domanda wasalx iż-żmien li l-Gvern jikkonsidra jagħti lura parti mill-ispejjeż lil dawk il-ġenituri li jfittxu servizzi alternattivi fil-privat.
Maria Deguara saqsiet ukoll għaliex il-klinika biex tevalwa periodikament l-progress ta’ persuni b’Down’s syndrome fil-poliklinika ta’ B’Kara ngħalqet u jekk ir-raġuni kinitx minħabba li ma kienx imġedded il-kuntratt tat-tabib li kien imexxiha.
Hi għamlet ukoll riferenza għall-inkwinament tal-arja, problema li qed tiżdied f’pajjiżna l-aktar minħabba n-numru kbir ta’ vetturi u l-konġestjoni tat-traffiku li ta’ kuljum qed jikber. L-iskema introdotta dan l-aħħar biex tħajjar aktar nies jixtru vetturi jaħdmu bl-elettriku hi waħda tajba u se tkun strumentali biex tnaqqas l-inkwinament tal-arja u tnaqqas il-mard respiratorju u mard kroniku ieħor. Dan barra li tgħin bħala pajjiż nilħqu l-miri imposti mill-Unjoni Ewropea u nibdew ingawdu kwalità ta’ arja ferm aħjar minn dik preżenti, sostniet Maria Deguara.
//= $special ?>