Dalgħodu se jitressqu l-Qorti ż-żewġ studenti li kienu nvoluti f’argument jaħraq li żviluppa nhar it-Tnejn fl-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke – argument illi wassal biex żewġ edukaturi sofrew feriti ħfief u kellhom jittieħdu għall-kura.
L-argument bejn iż-żewġ studenti beda għall-ħabta tal-11am u għal xi raġuni, matulu weġġgħu wkoll iż-żewġ edukaturi, li aktarx ippruvaw iferrquhom. L-Amministrazzjoni tal-Iskola sejħet għall-ġenituri tal-istudenti, iżda x’ħin il-ġenitur u qraba ta’ wieħed mill-istudenti waslu fl-Iskola, is-sitwazzjoni kompliet teskala.
Kienet l-Union tal-Għalliema (MUT) li fil-ġimgħat li għaddew appellat lill-Gvern biex jiżdiedu l-mezzi kollha possibbli tas-sigurtà ħalli jkunu evitati kwalunkwe forma ta’ vjolenza. Issa, l-MUT reġgħet għamlet l-istess appell wara dan l-aħħar każ, xahar wara l-appell oriġinali u hekk kif l-Union tal-Għalliema rrealizzat li t-talba tagħha tidher li waqgħet fuq widnejn torox.
Inċidentalment, l-għada tal-ġlieda f’Pembroke seħħet aggressjoni oħra din id-darba fuq il-Kap tal-Iskola tal-Kulleġġ San Injazju f’Ħal Qormi.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija kkundanna kull tip ta’ vjolenza li ssir fl-iskejjel Maltin, kemm jekk fuq għalliema u edukaturi u kemm jekk fuq studenti. U appella biex il-Ministeru jieħu passi u ma jibqax ċass quddiem din is-sitwazzjoni.
//= $special ?>