Lokali

“Impossibli” li l-wires jitneħħew kollha … u d-drenaġġ “skont iċ-ċirkostanzi”

It-toroq se jingħataw biss kisja tarmak.

Jekk qatt kien hemm bżonn konferma, issa waslet.

Il-Gvern se jkunu qiegħed biss jagħti kisja tarmak … u ħafna mis-servizzi tad-drenaġġ mhux se jinbidlu; u bil-wires tad-dawl jibqgħu imdendlin mal-faċċati.

Kien il-Ministru tal-Infrastruttura, Ian Borg illi ikkonferma ma’ Net News li mhux it-toroq kollha se jkunu qed jinqgħalaw mill-qiegħ biex isir xoghol fis-sistemi tad-drenaġġ. Hu qal li d-drenaġġ jinbidel biss skont iċ-ċirkostanzi, u mhux kullimkien.

Dan imur kontra dak li wiegħed l-istess Ministru sa xahar ilu, meta kien saħaq li l-Gvern se jitrasforma t-toroq b’infrastruttura ġdida.

Il-Gvern kien wiegħed li t-toroq se “jinbnew mill-ġdid” u li x-xogħlijiet se jinkludu pedamenti aktar b’saħħithom, bankini aktar komdi u servizzi imtejba għaddejjin minn taħt wiċċ it-triq.

Iżda issa, anke fuq hawn kellna u-turn mill-Ministru … fejn Ian Borg kellu jammetti li servizzi bħal wires li wieħed isib mal-faċċati tad-djar impossibbli li jgħaddu kollha minn taħt kull triq.

Dan kollu jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, illi l-Gvern se jarmi miljuni fuq kisja tarmak meta l-bżonnijiet infrastrutturali jirrikjedu l-bini mill-ġdid tat-toroq tagħna, illi qed jaraw volum dejjem jiżdied ta’ vetturi – u influss akbar ta’ nies bl-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin.