Lokali

Kundanna għad-dubji li tefa’ Muscat fuq il-pensjonijiet

L-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani tal-Partit Nazzjonalista (APAN) tistmerr bil-qawwa kollha d-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat nhar il-Ħadd 3 ta’ Frar f’Birkirkara meta ddikjara li “Meta tgħid li ma tridx barranin, qisek qed tgħid li ma tridx pensjoni.”

Il-pensjonanti Maltin u Għawdxin  jaħdmu u jistinkaw għal aktar minn 45 sena biex jieħdu l-pensjoni li ħaqqhom bi dritt. M’għandu jkun hemm l-ebda Prim Ministru li jċaħħadhom minn dak li jkunu ilhom iħallsu għalih b’eluf kbar ta’ ewro kull sena.  Hija verament għarukaża li Gvern li suppost tal-ħaddiema, u li fl-imgħoddi kien jiftaħar li kien hu li daħħal il-pensjoni f’pajjiżna jġibna issa niddependu mill-barranin biex inkunu nistgħu nieħdu dak li hu tagħna.

Din mhix għajr ammissjoni ċara li dan il-Gvern m’għandux pjan kif jiġġenera l-ġid li jirrendi finanzi sodi li bihom ikun jista’ jħallas il-pensjonijiet ħlief il-bejgħ tal-passaporti lil miljunarji dubjużi u l-importazzjoni bla rażan ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema kull sena.

Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, minkejja r-riċessjonijiet internazzjonali li kellu jħabbat wiċċu magħhom dejjem tejjeb il-pensjonijiet.  Saħansitra kien ta l-opportunità lill-pensjonanti nfushom li jistgħu jibqgħu jaħdmu fl-età tal-pensjoni mingħajr ma jitilfu ċenteżmu mill-pensjoni tagħhom.  Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ilu issa x-xhur jagħmel kritika ħarxa lill-Gvern ta’ Muscat fuq l-inkompetenza u l-arroganza fit-tmexxija ekonomika tal-pajjiż li ġabu jiddependi fuq il-barranin. Il-poplu wkoll beda jinduna li dan hu l-frott tal-korruzzjoni li saret is-simbolu ta’ dal-gvern.

L-APAN tħeġġeġ lill-anzjani u lill-pensjonanti biex fix-xhur li ġejjin jiftakru f’min verament assiguralhom il-pensjoni u ħajja xierqa mingħajr korruzzjoni u nġustizzji u jagħrfu jużaw il-vot tagħhom biex iwasslu messaġġ lil min uża l-fiduċja li tah il-poplu biex igawdu l-ftit u l-bosta jkollhom jitqannew bil-frak li jibqa’.