Edukazzjoni Lokali Qorti

Missier u ziju ta’ student jinżammu arrestati wara ġlieda fi skola

"Il-vjolenza qatt ma hi aċċettabbli" - Il-Maġistrat Joe Mifsud

Missier u z-ziju ta’ student ta’ 13-il sena ġew mixlijin fil-Qorti li ferew żewġ uffiċjali tal-iskola u student ieħor f’inċident li seħħ f’Pembroke nhar it-Tnejn.

Dawn ittellgħu l-Qorti fl-istess waqt li kienu għaddejjin taħditiet urġenti bejn il-Ministru Evarist Bartolo u l-Union tal-Għalliema, l-MUT biex isir xi ħaġa dwar is-sigurta’ fl-iskejjel, li issa laħqet l-agħar livell tagħha.

Feliciano Camilleri, ta’ 35 sena, mill-Floriana, u ħuh Alexander Camilleri , suldat mal-Forzi Armati ta’ Malta, fil-kariga ta’ Staff Sergaent, marru li skola fejn allegatament iben Feliciano Camilleri kien qed jiġi ibbuljat minn student ieħor.

L-aħwa kienu mixlijin li ferew ħafif tifel u żewġ uffiċjali ta’ skola, li heddew lill-istess uffiċjali, li użaw kliem baxx fil-pubbliku u li kisru l-paċi pubblika. It-talba mid-difiża biex huma jingħataw il-liberta’ proviżorja ma ntlaqgħetx mill-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud. Dan minħabba l-gravita’ tal-każ u l-biża li jkunu mittiefsa l-provi.

L-Avukat Alfred Abela għad-difiża qal li l-akkużati marru li skola wara li rċevew telefonata li kienet tgħid li iben Feliciano ta’ 13-il sena, kien qed jiġi bulljat, minn student ieħor ta’ 15-il sena, li kien twil sitt piedi. Huwa qal li dan l-ibbulljar kien ilu sejjer għal żmien mhux ħażin fejn saħansitra iben l-akkużat anke kien sofra xi ġrieħi.

Madankollu f’digriet li ta l-Maġistrat Joseph Mifsud huwa ċaħad it-talbiet tad-difiża fejn qal li sakemm il-preżunzjoni tal-innoċenza hija dritt fundamentali tal-liġi, il-vjolenza qatt ma hija aċċettabbli, aktar u aktar fl-iskejjel. L-edukaturi, huwa qal, għandhom dritt, aktar minn dover, li jiddixxiplinaw lill-istudenti u dawn għandhom jagħmlu dan mingħajr ma jkollhom ir-riskju li jiġu vjolentati, u jispiċċaw imweġġa’ u kalpestati.

Is-soċjetà, qal il-Maġistrat Mifsud, tkun qed tirriskja jekk tippermetti lill-ġenerazzjoni aktar żagħażugħa li taddotta attitudni ta’ xejn mhu xejn, u tagħmel li trid bla ma jkun hemm dixxiplina, meta jkun hemm il-ħtieġa. Huwa għalhekk ċaħad it-talba għal libertà proviżorja, u ddikjara li l-Qorti għandha tiżgura bilanċ bejn il-protezzjoni tas-soċjeta’ u d-dritt tal-akkużat.

Il-Qorti ordnat li ma jiġux ipubblikati l-ismijiet tal-minorenni, ġenituri tagħhom u l-istaff tal-iskola, u talbet ukoll ordni ta’ protezzjoni temporanja, li jekk tiġi miksura, tfisser massimu ta’ €7,000 multa jew sentejn ħabs.