Aleksander Ceferin kien re-elett President tal-UEFA – l-istituzzjoni li tamministra l-futol Ewropew – b’mandat ġdid għal erba’ snin. Il-konferma ngħatat waqt it-43 Kungress tal-UEFA f’Ruma fejn is-Sloven ta’ 55 sena ma kellu l-ebda sfidant għar-rwol.
Bħala l-uniku kandidat u skont l-istatuti tal-UEFA, Ceferin kien elett b’akklamazzjoni – u bil-konferma tkun rawnd ta’ applawż mid-delegati tal-55 assoċjazzjonijiet membri.
Intant, Ceferin ma tilifx iż-żmien biex iwiegħed ‘ristrutturizzazzjoni drammatika’ tal-kompetizzjonijiet tal-futbol għall-klabbs fuq livell Ewropew. Hu sostna , waqt diskors lid-delegati, li l-UEFA ‘se taħdem id f’id’ mal-Assoċjazzjoni tal-Klabbs Ewropea fit-tfassil tal-kompetizzjonijiet ( għall-klabbs) għall-futur.
Ceferin spjega li l-kompetizzjonijiet se jkunu aġġornati maż-żmenijiet u b’mod li jippermetti kompetizzjoni intensiva kif ukoll għal ‘dimensjoni ġdida lill-futol Ewropew’.
Ceferin żied li l-UEFA se tagħmel ‘minn kollox possibbli’ biex l-Ewropa torganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2030 u li r-regolamenti għall-Financial Fair Play (FFP) iridu jkunu aġġornati u adottati biex jirriflettu bilanċ aktar xieraq fuq livell Ewropew.
Aleksander Ceferin kien elett President tal-UEFA għall-ewwel darba fl-2016 minflok il-Franċiż, Michel Platini, li spiċċa projbit mill-FIFA minħabba abbużi ta’ etika.
//= $special ?>