Edukazzjoni Lokali

“Din il-ġimgħa kien hemm żewġ inċidenti oħra li ma ġewx irrapurtati” – Marco Bonnici fuq Net AM

Il-kazi ta’ aggressjoni fuq edukaturi fl-iskejjel ta’ Pembroke u f’Tal-Ħandaq ma kienux każi iżolati.

Sostna dan il-President tal-MUT Marco Bonnici waqt intervista fil-programm Net AM, fejn żvela illi din il-ġimgħa kien hemm żewġ inċidenti oħra li ma ġewx irrapurtati.

Marco Bonnici – President tal-MUT

Il-President tal-MUT esprima d-diżappunt tiegħu li ċertu xogħlijiet li suppost ikunu għal żmien temporanju qed jitħallew għal ruħhom – dan b’inkonvenjent għall-għalliema u l-istudenti. Dan b’referenza għal kontejners li issa qed jintużaw bħala klassijiet.

Fost l-oħrajn huwa għamel referenza għall-istat tas-suppost skola ġdida tal-Qawra. Huwa tenna li l-istat ta’ dan il-proġett huwa wieħed bikri ħafna.

Hu tenna li l-iskejjel għandhom ikunu il-post veru tal-edukazzjoni. Marco Bonnici sostna li l-MUT se tibqa’ titkellem għad-drittijiet tal-għalliema u l-edukaturi.

Intant il-ġurnal Times of Malta ddeskriva is-sitwazzjoni preżenti fl-iskejjel bhala waħda li għandha bżonn riforma radikali, għaliex is-sistema qed tfalli – u vittmi ta’ dan kollu qed ikunu l-istudenti u l-għalliema nfushom. F’dan l-editorjal intqal illi hemm bżonn pjan ċar mill-Gvern, sabiex il-viżjoni fl-edukazzjoni ma tibqax wahda imċajpra.

Ikkummenta