Il-President Emeritu Eddie Fenech Adami llum jagħlaq 85 sena.
B’karriera politika ta’ aktar minn 50 sena, huwa ħalla marka kbira b’politika li ġabet bidliet li baqgħu jinħassu sal-lum.
Eddie Fenech Adami serva bħala Kap tal-PN fl-oppożizzjoni, Prim Ministru u President ta’ Malta. Hu daħal fil-politika fl-1961, meta sar President tal-Kumitat Sezzjonali tal-PN f’Birkirkara u wara nħatar membru tal-Kumitat Eżekuttiv. Aktar tard sar Assistant Segretarju Ġenerali tal-Partit u fl-1969 kien elett fil-Parlament, fejn baqa’ jkun elett f’kull elezzjoni sal-2003.
Fenech Adami dejjem emmen kif bil-politika jsir il-ġid, u b’dan il-ħsieb ikkontesta l-elezzjoni għat-tmexxija tal-PN fl-1977 u kien elett fl-ogħla kariga, wara Ġorġ Borg Olivier, fil-11 ta’ April 1977. Il-karriera politika mhux dejjem kienet ward u żahar, tant li d-dar u familtu spiċċaw fil-mira ta’ tkissir u swat fil-15 ta’ Ottubru 1979, f’jum li baqa’ magħruf “it-Tnejn l-Iswed”.
Hu mexxa u rebbaħ lill-PN fl-elezzjoni ġenerali tal-1981, iżda l-Gvern Soċjalista baqa’ jmexxi minkejja li ma kellux il-maġġoranza tal-poplu. Fil-ħames snin sal-elezzjoni tal-1987, is-sitwazzjoni politika baqgħet sejra lura. F’Diċembru 1986 partitarju Nazzjonalista nqatel fi sparatura fuq il-Każin Nazzjonalista tal-Gudja. L-għada tal-qtil ta’ Raymond Caruana, Eddie Fenech Adami indirizza lil eluf kbar u appella biex il-PN jaħdem għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali.
Fenech Adami rebaħ ukoll l-elezzjoni ġenerali tal-1987 u fit-12 ta’ Mejju sar Prim Ministru, fejn baqa’ jservi f’din il-kariga sal-1996.
Reġa’ rebaħ l-elezzjoni ġenerali u sar Prim Ministru mill-ġdid fl-1998, fejn baqa’ jservi sal-2004.
Fix-xhur ta’ wara, serva għal ħames snin bħala President ta’ Malta, sal-2009, biex temm il-karriera fix-xena pubblika fl-ogħla kariga tal-pajjiż.
//= $special ?>