Lokali Qorti

IL-BURDELL TA’ ACAPULCO: Il-familja Caruana Galizia tiftaħ kawża kontra l-Ministru Cardona u Gerada

"Il-kawżi li fetħu l-Ministru u sieħbu kien ippreżentati b’mod malizzjuż"

Il-familja tal-ġurnalista assasinata Daphne Caruana Galizia trid li tkompli toħroġ il-verita fuq il-każ li kienet żvelat hi stess, meta kienet irrappurtat li l-Ministru Chris Cardona u l-konsulent Joe Gerada żaru burdell fil-Ġermanja. Dan wara li l-Ministru Cardona u Gerada waqqgħu l-kawża għad-danni li kienu ppreżentaw kontra Daphne Caruana Galizia fuq l-istorja li ħarġet.

Dan ma niżel xejn tajjeb mal-familja Caruana Galizia, li fetħet kawża għad-danni kontra l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u l-konsulent tal-Gvern Joe Gerada.

Il-kawża ta’ libell kontra Daphne Caruana Galizia kienet saret fuq li storja li kienet ippubblikat li kienet tgħid li Cardona u Gerada kienu żaru burdell fil-Ġermanja. Issa b’mod separat, il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ippreżentat il-kawża fil-konfront tat-tnejn minħabba li ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza fil-każ tal-burdell.

F’Jannar tal-2017, Caruana Galizia kitbet li Cardona u Gerada kellhom x’jaqsmu ma’ prostituta fl-FKK Acapulco ġewwa Velbert waqt żjara fil-Ġermanja.

Fil-blog ta’ Daphne ġew irrappurtati diversi dettalji dwar il-każ, u diversi kwotazzjonijiet attribwiti lill-Ministru Cardona.

Cardona u Gerada fittxew lil Caruana Galizia f’kawża ta’ libell għad-danni fejn talbu li jiġu sekwestrati l-assi ta’ Daphne Caruana Galizia, kif fil-fatt ġara, u talbu wkoll lill-Qorti biex din ikollha għad-dispożizzjoni tagħha t-telefon ċellulari minħabba data dwar id-data meta huma suppost kienu fil-burdell. Madankollu, Daphne Caruana Galizia inqatlet qabel ma’ din l-informazzjoni kienet ħarġet .

Peter, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia fetħu kawża kontra Cardona u Gerada talli dawn irtiraw kollox u li ma ppreżentaw l-ebda prova fuq il-każ. Huma qalu li dan ifisser li l-kawżi li fetħu l-Ministru u sieħbu kien ippreżentati b’mod malizzjuż, frivolu u vessatorju.

Fil-każ li nstema fuq Gerada l-Avukat tiegħu Pawlu Lia akkuża lill-familja Caruana Galaizia li qedgħin jippruvaw jerġgħu iqajjmu li storja, storja li skont hu għamlet ħsara kbira lill-klijent tiegħu, nkluż li tkisser iż-żwieġ tiegħu.

L-Avukat Peter Caruana Galizia wieġeb billi akkuża lill-Avukat Lia li kien qed jibża’ bl-informazzjoni li hemm fil-mobajl, l-aktar fejn dan jista’ jagħti informazzjoni fuq il-lokazzjoni ta’ fejn kienu Cardona u Gerada. Lia hawn qal ukoll li huwa jiddispjaċih għal dak li ġralha Daphne Caruana Galizia, anke jekk kemm il-darba semmietu fil-blogs tagħha.

L-Avukat Peter Caruana Galizia qal li martu kellha raġun, kif kellha dejjem fuq ħafna mill-istejjer li ħarġet. Caruana Galizia akkuża lil Lia li kien qed jibża’. “Jien ma nibża’ minn ħadd,” wieġeb l-Avukat. “Int għedtli biex inċedi l-kawża fil-kurituri tal-Qorti. Kien hemm il-kollega tiegħek Eve Borg Costanzi ħdejk”, kompla jgħid Lia.

Lia qal lill-Qorti “dawn taf xi jridu, jridu jerġgħu iqajmu l-każ u jġiegħlu lill-klijent tiegħi jixhed biex imbagaħad jibdew jgħidu ħafna affarijiet fuqu. Jien mhux se nikkopera man-naħa l-oħra. Meta ippruvajt ingdimt fl-awla”, qal l-Avukat Lia.

Il-Qorti ħalliet il-każ ta’ Gerada għal April filwaqt li l-każ ta’ Cardona qed jinstema’ quddiem Maġistrat ieħor.

B’kumbinazzjoni dan il-każ ħareġ ġimgħa wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat offra li jwaqqa’ l-libell tiegħu fuq li storja Egrant, iżda bil-kundizzjoni li l-familja Caruana Galizia tammetti li Daphne kellha l-fatti tagħha kollha ħżiena. Il-familja ma laqgħetx din it-talba ta’ rikatt u qalet li se tkompli bil-każ.