L-aħħar rapporti mir-Renju Unit qalu l-iskwadri fil-Kanal Ingliż, fl-aħħar sigħat, irkupraw katavru mill-fdalijiet tal-ajruplan li ġġarraf fil-baħar, jiem ilu, u li fuqu kien hemm il-plejer ta’ Cardiff City, Emiliano Sala u l-pilota, David Ibbotson.
Kelliema għall-Air Accidents Investigation Branch (AAIB) sostnew li persuni speċjalizzati ħadu sehem fil-ħidma delikata biex jinħareġ il-katavru mill-ajruplan taħt ‘kundizzjonijiet diffiċli’ u meta l-proċess tmexxa ‘bl-aktar mod dinjituż fiċ-ċirkustanzi’. Dan waqt li l-familji ta’ Sala u Ibbotson baqgħu aġġornati bl-aħħar żviluppi u fejn ma ngħatatx konferma formali dwar l-identità tal-katavru.
Sala, li kellu 28 sena, kien iffirma ma’ Cardiff City mingħand Nantes, ta’ Franza, għas-somma ta’ 15-il miljun Sterlina, li hu rekord għall-klabb tal-Premier League Ingliż.
Sadanittant, Sala ilu nieqes mindu l-ajruplan, tat-tip Piper Malibu, li kien qed iwasslu minn Nantes lejn Cardiff tilef il-kuntatt mar-radar waqt li kien qed itir minn fuq il-gżira ta’ Guernsey, fil-Kanal Ingliż, matul il-lejl tal-21 ta’ Jannar.
Il-fdalijiet tal-ajruplan instabu ‘il hinn minn Guernsey ftit tal-jiem ilu u fl-aħħar sigħat, id-dgħajsa Geo Ocean III wasslet il-katavru inkwistjoni lejn il-port ta’ Portland, f’Dorset, fost stennija li jkun suġġett għal awtopsja. Ingħad li qabel l-awtopsja, kellhom ikunu investigati ċ-ċirkustanzi tal-mewt ‘b’konferma min-naħa tal-pulizija ta’ Dorset’.
It-tfittxija uffiċjali għall-ajruplan kienet waqfet fl-24 ta’ Jannar wara li l-awtoritajiet tal-port fi Guernsey qalu li ‘kienu remoti ħafna’ iċ-ċansijiet li Sala u l-pilota setgħu baqgħu ħajjin.
Iżda l-aġent ta’ Sala uża l-Internet biex jappella għall-fondi bil-għan li jwassal għal tfittxija privata u rnexxielu f’dan l-impenn, bit-tfittxija titmexxa minn David Mearns, li hu xjenzat tal-affarijiet marittimi. Id-dgħajsa ta’ Mearns, b’kollaborazzjoni mad-dgħajsa Geo Ocean III u l-AAIB, ippersistiet bit-tfittxija f’zona speċifika tal-Kanal Ingliż lejn it-Tramuntana ta’ Guernsey, bil-fdalijiet tal-ajruplan ikunu identifikati minn tagħmir sonar fost konferma, bil-kameras, li ‘din kienet sejba ġenwina’.
Il-ħidma biex jittella l-katavru kellha mhux ftit tal-kumplikazzjonijiet waqt li fallew l-isforzi għall-iskuprar tal-fdalijiet tal-ajruplan, minħabba l-maltemp fiz-zona.
Fi żvilupp ieħor, il-klabb ta’ Nantes insista li Cardiff City iħallsu t-trasferiment sħiħ ( ta’ 15-il miljun Sterlina) għal Salah. Is-somma kellha titħallas fuq tliet snin iżda Cardiff żammew lura l-ewwel pagament ‘skedat’ għaliex riedu jaċċertaw mid-dokumentazzjoni relatata.
//= $special ?>