“Ġusti ma’ dawk li għandhom bżonn il-protezzjoni, b’saħħitna ma’ dawk li m’għandhomx bżonn, u ħarxa ma’ dawk li jipprovaw jieħdu vantaġġ minn min hu vulnerabbli”
Il-liġi l-ġdida dwar il-Gwardja tal-Fruntieri u l-Kosta Ewropea se tipproteġi aħjar il-fruntieri esterni tal-Unjoni, li jfisser kontinent aktar sigur għaċ-ċittadini. L-Ewropa għandha bżonn tkun kapaċi li effettivament tieħu ħsieb il-fruntieri esterni, tassigura li dawk li jaslu fl-Ewropa b’mod illegali jintbagħtu lura b’mod effiċjenti, u tipprovdi aktar sigurtà fi ħdan l-Unjoni.
Dan kien il-messaġġ ta’ Roberta Metsola, Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex, waqt diskors li tat waqt is-Sessjoni Plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni fi Brussell. L-MEP Metsola kienet mistiedna bħala waħda mill-kelliema ewlenin biex tiddiskuti r-Rapport Metsola, li jiffoka fuq liġi ġdida li ssaħħaħ il-Gwardja tal-Fruntieri u l-Kosta Ewropea. Il-Kumitat għall-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern se jivvota fuq ir-Rapport Metsola nhar it-Tnejn filgħaxija fi Strasburgu, wara negozjati mmexxija mill-MEP Metsola ma’ MEPs oħrajn minn gruppi politiċi differenti, kif ukoll stakeholders f’Malta u madwar l-Ewropa.
L-MEP Metsola qalet li hu ċar li hemm bżonn ta’ kontroll aktar effettiv tal-fruntieri esterni tal-UE. “Ir-rwol tal-Gwardji tal-Kosta għandu jissaħħaħ b’aktar riżorsi u mandat aktar b’saħħtu,” qalet Metsola, li qed tinsisti fuq l-introduzzjoni ta’ 10,000 persuna li jassistu l-Istati Membri.
L-MEP Metsola rrikonoxxiet il-fatt li s-sigurtà hi t-tħassib ewlieni taċ-ċittadini, u li n-nies jippretendu li l-Unjoni Ewropea tagħti r-riżultati. “Biex nassiguraw li jibqa’ jkollna ż-żona Schengen u l-moviment ħieles bejn l-Istati Membri, għandu jkun hemm fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, u l-fruntieri esterni għandhom ikunu siguri,” qalet l-MEP Metsola.
Dwar l-immigrazzjoni, Roberta Metsola spjegat li l-pożizzjoni tagħha dejjem kienet ċara, u li l-Ewropa għandha bżonn tindirizzaha b’mod olistiku imma bilanċjat li jieħu in konsiderazzjoni t-tħassib leġittimu dwar is-sigurtà, kif ukoll l-obbligi morali tal-umanità l-ewwel u qabel kollox. “Irridu nkunu ġusti ma’ dawk li għandhom bżonn il-protezzjoni, b’saħħitna ma’ dawk li m’għandhomx bżonn, u ħarxa ma’ dawk li jipprovaw jieħdu vantaġġ minn min hu vulnerabbli,” sostniet Roberta Metsola.
L-MEP Metsola kkonkludiet: “L-immigrazzjoni hi tema umana, fejn qed nitkellmu fuq il-bnedmin. U ma nistgħu qatt ninsew li wara kull statistika li naraw, hemm ħajja, ħolma u tama għal futur aħjar. Qatt tinsewha din.”
Għal din is-Sessjoni Plenarja kien hemm preżenti rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tar-Reġjuni ta’ Malta, fosthom is-Sindku tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi u l-Kunsilliera ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea.
//= $special ?>