Lokali

RITRATTI: “Eddie Fenech Adami: il-persuna li ta tama lil Malta” – Adrian Delia fuq NET FM

F’jum għeluq snin Eddie Fenech Adami, NET FM organizza maratona fejn is-semmiegħa setgħu jikkontribwixxu b’donazzjoni ta’ €10 – u b’hekk ikunu qed jgħidu mhux biss lill-PN iżda jingħaqdu fl-awguri lejn il-President Emeritu u eks Prim Ministru ta’ pajjiżna.

Tul din il-maratona fost in-numru ta’ kelliema li qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar Eddie Fenech Adami, kien hemm il-Kap tal-PN Adrian Delia illi tenna li l-kisbiet li qed ingawdu llum il-ġurnata, ilkoll immorru lura għat-tmexxija għaqlija ta’ żmien Eddie; Kap li rnexxielu jżomm il-kalma, anki fl-aktar mumenti li kien hawn tensjoni. Kap li rnexxielu jitrasmetti din il-kalma fil-partitarji, akkost il-ħafna mumenti fejn il-kalma kienet tinħakem minn biża’.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia kien intervistat mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg.

Adrian Delia qal li l-frott tal-edukazzjoni tal-lum, bdiet mill-ewwel Gvern ta’ Eddie Fenech Adami. Illum qed ingawdu minn edukazzjoni ħielsa u miftuħa għal kulħadd.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll fuq l-islogan l-aktar famuż ta’ żmien Eddie Fenech Adami; “Xogħol, Ġustizzja u Libertà”, fejn b’differenza minn dak il-messaġġ ta’ tama, illum sfortunatament għandna lil Joseph Muscat li mhux iħares lil dawk l-aktar vulnerabbli.

Fi tmiem dan l-intervent fuq Net FM, Adrian Delia mill-ġdid ingħaqad mas-semmiegħa kollha biex ta l-awguri lil Eddie Fenech Adami f’għeluq sninu.