Lokali

Splużjoni fil-prezz tal-housing minħabba n-nuqqas ta’ ippjanar min-naħa tal-Gvern

Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio qal li huwa ċar li l-mudell ekonomiku bla pjan tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni flok bil-produzzjoni wasslet għal żieda kemm fid-domanda tad-djar kif ukoll żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-propjetà u tal-kirjiet. Michael Briguglio qal dan meta kien qed jindirizza dibattitu organizzat fil-Fondazzjoni AŻAD bit-tema ‘The Housing Challenge, what should we do?’.

Is-Soċjologu Michael Briguglio enfasizza li minħabba n-nuqqas ta’ pjan min-naħa tal-Gvern, bit-tkabbir tal-ekonomija bil-popolazzjoni, qed ikun hawn impatt negattiv fuq dawk il-persuni, b’mod speċjali dawk bi dħul baxx, li mhux qegħdin ilaħħqu mal-kirjiet. Huwa qal li għalhekk jeħtieġ li jkollna pjan fit-tul għall-housing soċjali biex jiġi żgurat li jkun hawn biżżejjed propjetà u postijiet għall-kiri bl-irħas prezz possibbli. Michael Briguglio qal li huwa ċar li ż-żieda msejsa fuq politika fil-popolazzjoni ta’ Malta wasslet għal żieda kemm fid-domanda għad-djar kif ukoll fil-prezzijiet. B’konsegwenza ta’ dan, dawk li setgħu jlaħħqu biss mal-orħos prezzijiet tal-kera qegħdin jiġu mbuttati barra mis-suq.

Matul id-dibattitu ntqal li bħalissa hawn 3,200 applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali u madwar 600 applikazzjoni għal tibdil fl-akkomodazzjoni soċjali minħabba kundizzjonijiet inadegwati. Biż-żieda tal-persuni li qed jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom, persuni li jgħixu f’postijiet ikkundannati u fil-persuni li jkollhom jgħixu mal-qraba għax ma għandhomx għażla oħra, huwa essenzjali li jkollna pjan fit-tul għall-housing soċjali. Skont statistika tal-NSO, persuni li jikru l-propjetajiet qalgħu €85 miljun mill-kiri fl-2017, li tissarraf f’żieda ta’ 132% fuq l-2014.

Ġie diskuss kif għandhom jiġu kkunsidrati hemm il-ħolqien ta’ indiċi nazzjonali tal-prezzijiet, li juri l-prezzijiet tal-kera fis-suq u sistemi ta’ taxxa armonizzati fis-setturi differenti li jinvolvu l-proprjetà biex jiġi evitat iċ-ċaqliq tal-proprjetà minn settur għal ieħor. Dan filwaqt li huwa importanti wkoll li jiġi aċċertat li l-inkwilini jkollhom aċċess ġust u trasparenti għall-mekkaniżmi tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma biex jinqered kull abbuż f’dawn it-tranżazzjonijiet.

Il-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (FOIPN) Graziella Attard Previ qalet li l-housing policy għandha tibda’ tindirizza forom moderni ta’ familji fis-soċjetà, speċjalment biż-żieda qawwija ta’ familji b’ġenitur wieħed. Dan ukoll riżultat tal-ammont dejjem jiżdied tas-separazzjonijiet kull sena kif qed tixhdu l-istatistika. Hija qalet li din hija realtà ġdida, u li qed tħalli impatt ukoll fuq il-housing soċjali. Graziella Attard Previ qalet li l-housing għandu jibda’ jingħata bħala dritt sabiex kulħadd ikollu saqaf fuq rasu. Din hija wegħda li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta qal li Gvern Nazzjonalista ġdida se jassigura li kulħadd f’Malta jkollu saqaf fuq rasu.

Dan id-dibattitu organizzat mill-Kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio kien indirizzat ukoll mill-President tal-FOIPN u Kunsilliera Graziella Attard Previ, Joanna Axisa MacRae mill-Malta Tenant Support, il-lecturer tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta Dr Marie Briguglio, l-Kunsillier u membru tal-MŻPN Jeremy Cardona, is-Segretarju Ġenerali tal-Federation of Estate Agents Simon DeBono, il-lecturer tal-Politika Soċjali fl-Università ta’ Malta Charles Pace.