Żagħżugħ ma ngħatax il-libertà proviżorja fuq każ ta’ abbużi sesswali ma’ diversi membri tal-istess familja. L-akkużat li huwa Bormliż ta’ 18-il sena, u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie akkużat li stupra lil omm it-tfajla tiegħu, li tħobb tipprattika l-okkult.
Huwa ġie akkużat ukoll li wassal biex il-vittma u mara oħra vulnerabbli li hija bintha, jagħmlu atti sesswali kontra l-volontà tagħhom. Ġie mixli wkoll li wettaq atti indiċenti bi vjolenza fuq persuni li ma kellhomx il-ħila jirreżistu, li żamm lin-nisa’ kontra l-volontà u d-diċenza tagħhom u li ferihom ħafif.
Huwa ġie akkużat ukoll li kkawża lil oħt it-tfajla tiegħu u lil ommha biża’ li se titwettaq vjolenza fuqhom u li pparteċipa f’atti sesswali ma’ tifla ta’ 15-il sena fl-istess familja, x’aktarx l-istess tfajla tiegħu.
L-akkużat li huwa diżokkupat, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. L-Ispettur Eman Hayman qal lill-Maġistrat Rachel Montebello li l-Pulizija kienu kkuntattjati mit-tfajla tiegħu, li qegħdin jgħixu flimkien fid-dar ta’ ommha sa minn Diċembru li għadda. Hija lmentat li l-akkużat ġab ruħu ħażin magħha fejn anke uża vjolenza, u li jħobb ikollu kontroll tas-sitwazzjoni.
L-Ispettur Hayman kompla jgħid li omm it-tfajla tal-akkużat għandha delizzju li tipprattika l-okkult. Il-kontroll jiġri minħabba li ż-żagħżugħ iħobb jittestja s-superstizzjonijiet tagħha, billi joqgħod jgħidilha li kienet qed tiftaħ il-bieb lix-xitan. U hawn kien jieħu vantaġġ minn fuqha. Kien anke juża vuċi partikolari. Dan kien jagħmlu biex jissodisfa l-fantasiji sesswali tiegħu. Kien jimmanipula lil mara, billi jagħtiha kull tip ta’ ordnijiet, minn dawk sempliċi għal ordnijiet sesswali.
L-Ispettur kompla jgħid li hu kien jagħti l-ordnijiet ukoll lit-tifla biex tagħmel atti sesswali ma’ ommha u f’okkażjoni minnhom kien ordna lit-tifla biex tagħmel atti sesswali m’ommha permezz ta’ oġġett, bit-tifla ma setgħetx tobdi din l-ordni u spiċċa jagħmel dan l-attt.
L-Avukat Difensur Jason Azzopoardi talab lill-Qorti biex din tqabbad espert psikjatriku biex jeżamina lill-allegati vittmi u dan biex jiġi stabbilit li stat tan-nisa, qabel ma dawn jixhdu. “Naħseb li hija xi ħaġa vitali li wieħed jistabilixxi ritratt tal-istat mediku-psikjatriku u jara l-kronoloġija vera tan-natura tal-fatt. Waħda min-nisa’ kienet għal kura l-isptar Monte Carmeli għal diversi drabi,” qal l-Avukat Azzopardi.
L-Avukat Kris Busietta li wkoll qed jidher għal akkużat qal li d-difiża kienet infurmata li l-omm kienet ordnata biex tmur l-isptar Monte Carmeli bejn 20 u 25 darba, izda ħadd ma jaf għalfejn. “Dawn huma x-xhieda prinċipali, u biex wieħed jistaqsi lix-xhieda, wieħed għandu jkun jaf il-kundizzjoni tagħhom,” qal l-Avukat.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha, għalkemm, ingħad li d-difiża kienet qed tipprova tintimida lix-xhieda u tnaqqas il-kredibbilita’ tagħhom. Jekk il-Qorti għandha xi dubju fuq ix-xhieda, tista’ tqabbad espert tal-Qorti, fuq ordni tagħha, qalu l-Ispetturi.
Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet, ċaħdet it-talba. Filwaqt li l-allegati vittmi jistgħu jkunu persuni vulnerabbli, il-Qorti qalet li dan li stat irid jittieħed inkonsiderazzjoni li jista’ jkun jiġi appuntat espert, jekk ikun hemm il-ħtieġa, biex jassisti l-vittmi waqt ix-xhieda tagħhom.
Nervożiżmu kbira ħakem l-awla tal-Qorti meta l-Ispettur Hayman talba għal espert teknoloġiku biex jippriżerva kull possibbli filmati biex jintużaw bħala prova tal-allegat abbuż. L-Ispettur qal li l-vittma qalet li l-akkużat ried jiġbed filmati ta’ ftit mill-attivita li allegatament seħet.
L-Avukat Azzopardi qal li d-difiża, peress li ma tibżax mill-verita li tista’ toħroġ, ma kienitx se toġġezzjona għal din it-talba tal-Prosekuzzjoni. L-Avukat Busietta qal ukoll li d-difiża kienet qed tipprova toħroġ il-verità ta’ każ, u akkuża lill-Prosekuzzjoni li kienet qed tibża’ mill-konklużjonijiet tal-espert.
Id-difiża imbagħad talbet għal libertà proviżorja tal-akkużat. “La jien u lanqas il-kollegi tiegħi qatt ma ltaqgħu ma’ każ bħal dan f’aktar minn 22 sena,” qal l-Avukat Azzopardi. “Dan jirrikjedi attenzjoni partikolari minħabba li hemm involut l-okkult. Dan mhux sempliċi hobby, eżorċista kien intalab imur fil-post u kellu jiċċelebra quddiesa fil-propjeta. Oġġetti bdew itiru, ilħna b’lingwi strambi bdew jinstemgħu. Din hija s-sitwazzjoni, b’hekk hemm min spiċċa b’xi feriti. L-akkużat kien ilu bil-police bail sa mix-xahar l-ieħor, kieku ried ikellem lix-xhieda, kellu żmien biżżejjed jagħmel dan, anke jekk m’għandux għalfejn,”qal l-Avukat.
Il-Qorti m’għandiex tara l-akkużi bħas-soltu, għax dan huwa każ differenti, qal l-Avukat, fakkar li l-akkużat għadu preżunt innoċenti u li l-liġi hija restrittiva fuq meta l-ħelsien mill-arrest għandu jiġi rrifjutat. Aktar minn hekk, l-Avukat osserva li ma saret ebda talba biex issir inkjesta Maġisterjali minn naħa tal-Pulizija, f’każ li għandu piena massima ta’ 11-il sena ħabs .
Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet, ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja, minħabba riskju li jiġu mbagħbsa l-provi u l-fatt li jidher li ma hemm l-ebda evidenza preservata, kif ukoll minħabba l-vulnerabbilità tal-allegati vittmi. Il-Qorti ordnat ordni ta’ protezzjoni għal benefiċċju tal-allegati vittmi. L-Ispetturi Eman Hayman u Oriana Spitieri mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Julian Farrugia dehru għal akkużat.
//= $special ?>