Lokali

Aktar minn 300 persuna bla saqaf fuq rashom

Persuni minn diversi organizzazzjonijiet u NGO’s, il-Ġimgħa filgħodu qassmu l-ideat tagħhom flimkien biex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-persuna f’pajjiżna li mghandhomx saqaf fuq rashom.

Jidher li bħalissa f’Malta hawn 27 persuna li qed jgħixu barra fit-triq. Izda ma dawn wieħed irid iżid 300 oħra li jgħixu fil-karozzi. Konferma li din hi realtà ġdida għal Malta, u mhux invenzjoni.

Roberta Sammut, mil-Fakultà tax-Xejnza fl-Università ta’ Malta sostniet li jeżistu madwar 300 każ moħbi ta’ nies li jgħixu fil-karozza tagħhom għax ma jaffordjawx li jkollhom saqaf fuq rashom. Hi qalet li dawn il-każijiet ipoġġuna f’sitwazzjoni tal-mistħija għaliex huwa d-dmir tagħna li naffaċċjaw din ir-realtà u nsibu s-soluzzjonijiet.

Min-naħa tiegħu l-Professur Andrew Azzopardi stqarr li dawn is-sitwazzjonijiet m’għandniex inaħħulhom iseħħu. Huwa dritt tal-bniedem li jkollu fejn jgħix, li jkollu l-privatezza tiegħu. Il-fatt li persuna ma tkunx tiflaħ tħallas il-kera kif ukoll id-diżabbilta u l-esklużjoni soċjali huma ftit mill-fatturi li qed iżidu l-ammont ta’ persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom kif ukoll fil-faqar soċjali.

Anthony Camilleri fakkar li l-YMCA kienet l-ewwel dar li offriet kenn lil dawk in-nies li ma kellhomx saqaf fuq rashom. Camilleri saħaq li għandna sitwazzjoijiet ta’ nies li qed jispiċċaw jgħixu fi djar abbandunati għax ma jifilħux iħallsu l-kera. Din hi realtà li qed tbeżża’ lil ħafna żgħażagħ, għaliex anke min għandu paga medja, qed isibha diffiċli biex ilaħħaq mal-kera.

Min-naħa tagħha, Ann Marie Cutajar sostniet li t-terminu ‘homelessness’ jinkludi wkoll lil dawk in-nies li jgħixu f’akkomodazzjoni mhux xierqa. Għandna familji li qed jispiċċaw jgħixu f’garaxxijiet minħabba li spiċċaw bla xogħol u m’għandhomx minn fejn iħallsu l-kera.

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-kirjiet hija waħda mill-elementi prinċipali li kaġun tiegħu qed jiżdiedu n-nies li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Finalemnt huwa l-obbligu tal-Gvern li jara li l-poplu jkollu akkomodazzjoni adekwata fejn jgħix.

Fl-istess attività tfakkret il-memorja ta’ Charles Miceli li kien persuna li ħadem ħafna f’dan is-settur…. Bniedem li kien vuċi għall-ġustizzja soċjali.