Futbol Sport

Għaxar plejers żgħażagħ jitilfu ħajjithom f’nar li ħakem f’dormitorju tal-klabb Flamengo

(Ritratt: EPA)

Għaxar żgħażagħ bejn l-età ta’ 14 u s-16-il sena tilfu ħajjithom wara nar li ħakem dormitorju fiċ-ċentru ta’ taħriġ taż-żgħażagħ tal-klabb Brażiljan Flamengo li jinsab f’Rio de Janeiro. Tliet żgħażagħ oħra kienu feruti wieħed minnhom serjament, fejn ittieħed l-isptar.

Il-President tal-klabb Rodolfo Landim qal li mingħajr dubju din kienet l-aktar traġedja fil-123 storja ta’ tal-klabb. Il-vittmi huma Arthur Vinicius Silva, Athila Paixao, Bernardo Pisetta, Christian Esmerio, Vitor Isaias, Pablo Henrique, Jorge Eduardo, Samuel Thomas, Gedson Santos u Rykelmo Viana.

Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li n-nar beda fil-5.10am ħin tal-Brażil u twaqqaf ftit aktar minn sagħtejn wara. Iż-żona ntlaqtet minn maltemp u xita qawwija fl-aħħar jiem u dan jista’ jkun li l-faċilità kienet bla dawl u ilma meta qabad in-nar. Il-media lokali qed tgħid li n-nar seħħ fil-parti antika tal-post li kienet mistennija taqa’.

Il-faċilità bl-isem Ninho de Urubu, għaddiet minn espansjoni kbira s-sena l-oħra, bil-klabb jonfoq ftit aktar minn €5 miljuni. Il-post fih akkomodazzjoni għall-plejers żgħażagħ, diversi pitches, park akwatiku, gym, ċentru mediku u stadium żgħir.

Flamengo kienu mistennija jilagħbu kontra r-rivali Fluminense llum iżda l-logħba kienet posposta biż-żewġ klabbs jesprimu l-kondoljanzi. Diversi plejers Brażiljani wkoll tkellmu dwar dan l-inċident, fosthom Vinicius Junior ta’ Real Madrid, Paquetà ta’ Milan, Neymar ta’ PSG u l-eks plejer Ronaldinho.