Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi ċedew għall-pressjoni tal-Oppożizzjoni mmexxija minn Adrian Delia u rtiraw l-Avviż għat-trasferiment tal-art lill-Grupp Corinthia. Dan kien konfermat f’ittra mibgħuta mill-Ministru Konrad Mizzi liċ-chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Uffiċċju tal-Verifika.
Il-Partit Nazzjonalista ilu ġimgħat jitkellem kontra dan id-deal li se jwassal biex art lussuża f’San Ġiljan tingħata lill-privat kważi bix-xejn. Mas-sejħa ta’ Adrian Delia, ingħaqdu ukoll bosta kunsilli lokali, għaqdiet non-governattivi u saħansitra anke Korpi Kostitwiti.
B’kuntrast, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien ilu x-xhur jiddefendi dan id-deal kontroversjali li fi kliem sempliċi kien ifisser li art stmata bejn €700 miljun u €800 miljun tingħata bil-prezz redikolu ta’ €50 miljun.
Sal-lum la l-Oppożizzjoni u wisq anqas l-għaqdiet ambjentali ma jafu x’fih dan id-deal li fassal il-Gvern ta’ Muscat. Fil-fatt, sa ftit tal-jiem ilu meta tlaqqa’ il-Kumitat tal-Ambjent, il-Gvern baqa’ jżomm stinat li ma joħroġx id-dettalji tal-Memorandum of Understanding.
Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista
Wara xahrejn sħaħ ta’ pressjoni min-naħa tal-Oppożizzjoni, l-Ministru Konrad Mizzi ma kellux triq oħra għajr li jirtira l-avviż għat-trasferiment tal-art pubblika, li l-Gvern ried jagħti bix-xejn lill-privat għall-ispekulazzjoni u l-bini.
L-Oppożizzjoni, immexxija minn Adrian Delia dejjem opponiet li art pubblika f’żona strateġika f’San Ġiljan tingħata bix-xejn għall-ispekulazzjoni u l-bini, meta hawn min m’għandux saqaf fuq rasu. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien u se jibqa’ favur l-investiment fis-settur tat-turiżmu, ma jistax jippermetti li art pubblika tingħata bix-xejn, meta hawn anzjani u sidien ta’ negozji żgħar li meta jagħlqilhom iċ-ċens jispiċċaw barra jew b’xejn.
L-Oppożizzjoni se tibqa’ tisħaq li din l-art pubblika f’żona strateġika tal-pajjiż għandha tibqa’ tintuża għal skopijiet turistiċi biex titgawda mill-familji u biex il-ħaddiema jibqgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom mit-tkattir tat-turiżmu, li għalih kien maħsub din iż-żona.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kemm-il darba stqarr li l-Oppożizzjoni mhix se tippermettu li l-Gvern jisraq lill-poplu mill-art pubblika u jagħtiha bix-xejn biex igawdu l-ftit. Dawn huma flus li jistgħu jintużaw b’mod għaqli fil-housing soċjali, l-pensjonijiet u għal proġetti oħra kapitali li jtaffu l-problemi tat-trasport f’pajjiżna.
//= $special ?>