Futbol Sport

Il-komunità tal-futbol issellem lil Emiliano Sala wara li kien identifikat ġismu qalb it-tifrik tal-ajruplan fil-baħar

(Ritratt: Getty Images)

Dak li ħafna kienu qed jaħsbu mill-ewwel ġurnata, tard il-Ħamis filgħaxija saret uffiċjali. Id-dinja tal-futbol sellmet lil Emiliano Sala wara li ġie identifikat li ġismu kien qalb it-tifrik tal-ajruplan li għeb fil-Kanal Ingliż.

Sala li kellu 28 sena u l-bdot David Ibbotson li għadu ma nstabx, kienu abbord l-ajruplan li tilef il-kuntatt mal-Kontroll tal-Ajru t-Tnejn 21 ta’ Jannar. Sala li kien ingħaqad ma’ Cardiff għal €18-il miljun jumejn qabel, kien fi triqtu lejn Wales wara li kien sellem lil sħabu ta’ Nantes.

Malli ħarġet l-aħbar, kienu diversi li kitbu fuq il-media soċjali biex isellmu lil Emiliano Sala, fosthom il-klabbs ta’ Cardiff u Nantes, bil-President tal-klabb Franċiż Waldemar Kita jgħid li l-klabb se jirtira n-numru 9 li Sala kien jilgħab bih.

Il-FIFA u l-UEFA wkoll sellmu lil Sala filwaqt li ftakru wkoll fil-familja tal-pilota David Ibbotson. Fost il-plejers li sellmu lil Sala kien hemm Sergio Aguero, Wayne Rooney u Mesut Ozil.

Il-klabbs Maltin ukoll ħadu l-ħin biex fuq il-media soċjali ngħaqdu mal-komunità tal-futbol biex sellmu l-memorja tal-attakkant Arġentin fosthom Gżira United, Valletta, Floriana u Ħamrun Spartans.