Futbol Sport

Naxxar ir-raba’ forza tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni

ŻEJTUN C …………….. 1   NAXXAR L …………… 4

Żejtun: G. Zammit, C. Giordemaina, I. Azzopardi, J.A. Meira, A. Carabott, A. Smeir (R. Spiteri 57’), J. Castano, D. Albanese (D. Andelkovic 70’), N. Tabone, A. Farrugia (G. Sultana 76’), G. Azzopardi

Naxxar: O. Borg, M. Fenech, M. Mifsud, E. Cerqueira Farias (P. Ellul 90’), J. Debono, R. Cassar, J. Ellul, A. Buhagiar (C. Bugeja 74’), S. Nanapere, B. Essel, S. Meilak

Referee: Emanuel Grech

F’konfront dirett bejn iż-żewġ timijiet li kienu jinsabu fir-raba’ post, Naxxar umiljaw lil Żejtun b’rebħa kbira u meritata biex temmew ir-rimonta ta’ Żejtun li b’ħames rebħiet konsekuttivi kienu ħarġu miż-żona l-ħamra u bdew jisfidaw lill-ewwel timijiet.

Naxxar ħolqu l-ewwel azzjoni denja wara biss erba’ minuti meta xutt minn qagħda tajba ta’ Edson Cerqueira Farias ħabat mal-mimduda. Ħames minuti wara Naxxar fetħu l-iskor meta Saturday Nanapere għadda tajjeb mal-linja, daħal fil-kaxxa, ikkrossja fil-baxx lejn JOEL ELLUL li minn qagħda tajba kkonkluda fix-xibka.

Żejtun naqsu li jagħmlu reazzjoni tant li fil-21 minuta Naxxar irduppjaw meta SATURDAY NANAPERE kkonkluda fix-xibka b’xutt fil-baxx wara azzjoni personali.

Disa’ minuti wara Żejtun naqqsu l-iskor u reġgħu daħlu fil-partita meta JOHAN CASTANO għeleb lil Omar Borg b’daqqa ta’ ras wara kross ta’ Adam Smeir. Fil-ħin miżjud fi tmiem l-ewwel taqsima xutt mill-viċin ta’ Jurgen Debono wara kross fil-baxx ta’ Saturday Nanapere ġie salvat minn Glenn Zammit.

Fit-tieni taqsima, Żejtun kellhom l-inizjattiva iżda qatt ma nkwetaw lid-difiża Naxxarija biex fit-80 minuta wasal it-tielet gowl ta’ Naxxar meta Saturday Nanapere qassam lil EDSON CERQUEIRA FARIAS u dan wara li kkontrolla, dar ma’ difensur avversarju u kkonkluda fix-xibka b’xutt għar-rokna.

Erba’ minuti wara Naxxar issiġġillaw ir-rebħa bir-raba’ gowl meta xutt mill-viċin ta’ JURGEN DEBONO wara kross fil-baxx ta’ Saturday Nanapere ġie salvat parzjalment minn Glenn Zammit, il-ballun reġa’ spiċċa f’saqajn l-istess plejer ta’ Naxxar li din id-darba spara fix-xibka.

Żewġ minuti minn tmiem il-partita Żejtun spiċċaw jilagħbu bi plejer anqas wara li Clayton Giordemaina ġie muri l-karta l-ħamra għal fawl fi tliet kwarti ta’ grawnd.

Mqabba lura għall-gowls u għar-rebħa

MARSA ………………… 0   MQABBA ……………… 2

Marsa: K. Brincat, S. Zampa, R. Gatt De Raffaele, L. Ciantar, Y. Camilleri, S. Camilleri, J. Lovegrove, D. Agius, O. Cristiani, H. Kawamura, A. Watanabe.

Mqabba: F. Tabone, N. Micallef, R. Da Silva Gomes, F. Gusman, D. Azzopardi, W. Borg, B. Grech, D. Micallef, A. Ferreira, J. Martins Da Silva, G. Micallef.

Referee: Glen Tonna

Wara sitt logħbiet mingħajr ma jsibu x-xibka avversarja, Mqabba rnexxielhom jagħmlu dan u b’żewġ gowls fl-ewwel kwarta kisbu rebħa ferm importanti kontra t-tim tal-qiegħ Marsa. Bis-saħħa ta’ din ir-rebħa Mqabba qabżu temporanjament lil Żebbuġ u San Ġwann fiż-żona taħraq tal-klassifika. Sodisfazzjon ukoll għall-kowċ Alfred Attard li kiseb l-ewwel punti minn kemm ilu li ħa t-tmexxija tat-tim f’idejh.

Wara l-prova pjuttost sfortunata kontra Swieqi, Mqabba aċċertaw kmieni mit-tliet punti, fejn l-eroj tat-tim kien l-akkwist il-ġdid Aleksandro Dos Santos Ferreira li skorja wara żewġ minuti u wara kwarta logħob. Jekk għal Mqabba din ir-rebħa kienet ta’ nifs ġdid għalihom, mhux l-istess jista’ jingħad għal Marsa li sofrew it-tmien telfa konsekuttiva u jidher li m’hemm l-ebda tama li dawn jeħilsu mir-relegazzjoni.