Futbol Sport

RITRATTI: Valletta jirbħu mingħajr ma jimpressjonaw

(Ritratt: Martin Agius)

QORMI……………….. 1   VALLETTA………… 2

Qormi: D. Cassar, R. Romao, A. Abela, D. Mansi, M. Micallef, Y. Yankam, L. Santana, W. De Oliveira (I. Zammit 80’), J. Lokando, A. Rozzi, M. Bangoura

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, R. Camilleri, J. Zerafa, R. Muscat, S. Malano, M. Alba (J. Caruana 77’), M. Piciollo (B. Gavrila 66’), M. Fontanella (J. Borg 89’), B. Kaljevic

Imwissi: A. Abela 86’ (Q)

Skorjaw: M. Alba 24’, B. Kaljevic 28’ (V), I. Bangoura 44’ (Q)

Referee: Etienne Mangion

Assistenti Referees: Thomas Debono, Darko Stankovic

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Rowen Muscat (Valletta)

Attendenza: 536

Żewġ gowls f’erba’ minuti kienu biżżejjed biex Valletta kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva fil-kampjonat li biha telgħu momentarjament waħedhom fil-quċċata. Il-prestazzjoni ma kinitx għal-livell li kapaċi jilagħbu l-Beltin, minkejja li kellhom il-kontroll assolut.

Qormi taw dak li setgħu konxji mid-differenza bejn iż-żewġ timijiet. Il-gowl qabel tmiem l-ewwel taqsima żammhom fil-logħba u b’distakk ta’ gowl, fl-aħħar minuti pruvaw isalvaw xi ħaġa. Minkejja t-telfa, din il-prestazzjoni għandha tgħin fil-moral tal-Qriema li jistgħu jippruvaw jilagħbu ma’ kulħadd.

Valletta kellhom diversi okkażjonijiet ta’ skor fl-ewwel taqsima. Bojan Kaljevic kellu l-opportunità li jiftaħ l-iskor wara seba’ minuta meta rċieva mingħand Mario Fontanella bir-ras, iżda minn qagħda ideali spara għoli. Seba’ minuti wara xutt fil-baxx ta’ Matteo Piciollo kien salvat minn David Cassar.

Fontanella mar viċin tliet minuti wara b’xutt li kien imdawwar f’korner minn Cassar, bl-istess gowlkiper iċaħħad lil Piciollo fit-22 minuta minn xutt fil-baxx.

Il-Beltin fetħu l-iskor fl-24 minuta. Rowen Muscat qassam tajjeb fit-tul fuq il-lemin lejn MIGUEL ALBA li b’finta għamel spazju għalih u b’xutt djagonali fil-baxx għeleb lil David Cassar. Valletta rduppjaw erba’ minuti wara bi kross mil-lemin ta’ Enmy Pena Beltre lejn BOJAN KALJEVIC li b’konklużjoni mill-ewwel għeleb lil Cassar, bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel daħlet fix-xibka.

Qormi kellhom okkażjoni tajba li jnaqqsu d-distakk fis-37 minuta bi kross mil-lemin ta’ Antonio Rozzi lejn Ismael Bangoura, iżda minkejja li kien żmarkat id-daqqa ta’ ras tiegħu minn qagħda tajba ma nkwadratx il-lasta.

Iżda fl-44 minuta Qormi daħlu fil-logħba meta ISMAEL BANGOURA ħa vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Valletta u skorja f’lasta vojta. Valletta kellhom ċans li jistrieħu b’vantaġġ doppju b’passaġġ intelliġenti ta’ Piciollo lejn Fontanella iżda l-konklużjoni tiegħu xxellfet u spiċċat ftit barra.

It-tieni taqsima naqset mir-ritmu tagħha, b’Valletta jibqgħu fil-kontroll tal-logħba. Fil-61 minuta Kaljevic mar qrib it-tieni gowl personali b’daqqa ta’ ras li għaddiet ftit barra. Żewġ minuti wara, David Cassar kien protagonist meta r-riflessi tiegħu biex salva tajjeb xutt b’saħħtu fil-baxx ta’ Rowen Muscat.

Is-sostitut Bogdan Gavrila prova jniżżel ismu fost l-iskorers fis-67 minuta bi kross indirizzat fil-lasta li għadda ftit barra. L-andament tal-logħba fl-aħħar għoxrin minuta baqa’ l-istess, b’Valletta jiżbaljaw ħafna fil-passaġġi tagħhom filwaqt li l-gowlkiper Henry Bonello qatt ma kien impenjat.