Sport Sport Ieħor

50 student jgħaddu mill-eżami u jiksbu ċintorini differenti tal-kickboxing

Total ta’ 50 student mid-dixxiplina tal-kickboxing kienu eżaminati biex jiksbu ċintorini differenti tal-arti marzjali. Ħamsa minn dawn l-istudenti jattendu fil-klabbs The New Kickboxing Club u Kibishii Michi Kickboxing Club filwaqt li l-kumplament jattendu ma’ Ying Yang Team Noel Kickboxing Club Fgura taħt it-tmexxija ta’ Master Noel Mercieca.

L-istudenti ġew eżaminati fuq diversi fatturi li jinkludu tekniki differenti u eżerċizzju fiżiku. Kollox beda minn filgħodu kmieni u ċertu eżamijiet anke kienu twal madwar erba’ sigħat – kollox jiddependi miċ-ċintorin partikolari li wieħed ikun qiegħed jiġi eżaminat għalih.

L-atleti Diane Schembri u Celeste Galea kienu proprju tnejn minn dawn l-istudenti fejn wara sigħat twal ta’ eżaminar kisbu ċ-ċintorin il-vjola. Kemm Schembri kif ukoll Galea għandhom esperjenza kbira kemm lokali kif ukoll barra minn xtutna tant li Schembri hija semifinalista fl-IsportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali.

Dan l-eżami kien taħt it-tmexxija tal-World Kickboxing Network (WKN) kif ukoll tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Kickboxing (MKBA). Il-President tal-WKN Malta Kancho Adrian Axisa flimkien mal-President tal-MKBA Isaac Chetcuti kienu preżenti waqt l-avveniment fejn saħansitra anke kienu parti mit-tim tal-eżaminaturi.

Uħud minn dawk eżaminati se jkunu qegħdin jikkompetu f’diversi kategoriji differenti fil-Gladiators Fight Night XXII li se ssir fit-23 ta’ Frar fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.