Lokali Qorti

Akkużati b’diversi każi ta’ serq

Rumen ta 47 sena ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sena fuq akkużi ta’ diversi każi ta’ serq f’każi li seħħew f’Diċembru li għadda.

Andrej Denika tressaq quddiem il-Qorti akkużat li seraq kartiera minn fuq tal-linja, kif ukoll flus minn ATM li ġibidhom wara li seraq xi credit cards.

Ir-Rumen kien fost grupp ta’ tlieta, ilkoll Rumeni, li l-Ħamis inqabdu fil-venda tal-karozzi tal-linja tal-Belt Valletta waqt li kienu qed jippruvaw jisirqu lin-nies.

Kien rapport ta’ persuna li nnutat l-attentati tat-tliet persuni li wasslet biex fil-post waslu uffiċjali mill-Għassa tal-Belt Valletta kif ukoll dawk tar-Rapid Intervention Unit li arrestaw lir-Rumeni.

Minkejja li Denika ma kienx laħaq seraq f’din l-okkażjoni, il-Pulizija sabu li kien imfittex minħabba r-reati ta’ Diċembru li għadda.

Hu kien ordnat irodd lura €175 u €200 li seraq, kif ukoll il-credit cards.

Is-Sibt tressaq ukoll Rumen ieħor, Razvan Aurel Stefan ta’ 38 sena, li wkoll m laħaq seraq xejn nhar il-Ħamis li għadda, iżda kien imfittex għal sensiela twila ta’ reati ta’ serq.

Hu ammetta l-akkużi fil-konfront tiegħu u baqa’ arrestat sakemm tinħareġ is-sentenza fil-konfront tiegħu, nhar il-Ħamis li ġej.

Sadattant it-tielet persuna li ġiet arrestata flimkien ma’ dawn iż-żewġ persuni, mhux se titressaq il-Qorti hekk kif dawn ma kienu laħqu serqu xejn u ma kelliex każi pendenti fil-konfront tagħha.