Lokali

€62,562 f’multi minħabba deċiżjonijiet żbaljati

Xogħolijiet mingħajr il-permessi meħtieġa li għamlet l-aġenzija tal-Gvern Infrastructure Malta, wasslu biex il-poplu se jkollu jħallas aktar minn 62,000 ewro f’multi. Dan wara li fi ftit xhur, l-Aġenzija nstabet ħatja darbtejn u għalhekk, issa se jkollu jħallas il-poplu.

F’Awwissu li għadda, Infrastructure Malta ġiet immultata 42,454 ewro talli bdiet xogħolijiet ta’ twessigħ fit-Triq tal-Balal mingħajr ma lanqas biss kienu ħarġu l-permessi. U fit-tieni każ, il-multa hi ta’ 20,107 ewro talli bdiet twettaq il-proċess ta’ twessigħ fil-Junction ta’ Ħal Farruġ … ukoll mingħajr ma kellha l-permessi meħtieġa.

Il-ġurnal The Times of Malta rrapporta li fil-każ ta’ Ħal Farruġ, l-applikazzjoni għas-sanzjonar saret bħala parti mit-tieni fażi tal-proġett. U għalkemm l-applikazjoni għal dan il-proġett għadha pendenti, qed ikun issuġġerit li l-proġett ma jitkompliex sakemm ma jkunx hemm l-approvazzjoni tal-Case Officer tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Iżda mill-aspett ambjentali, il-Case Officer qal li l-akbar tħassib hu t-teħid tal-art agrikola biex tiżdied art li eventwalment tinbena.