Seba’ militanti kienu kundannati l-ħabs għal għomorhom fit-Tuniżija b’konnessjoni mal-attakki terroristiċi tal-2015 li kienu saru fuq mużew u resort qrib il-bajja.
Mas-sittin persuna – fil-parti kbira turisti – kienu tilfu ħajjithom waqt sensiela ta’ sparaturi u splużjonijiet, b’ħafna oħrajn jisfaw midruba.
Numru ieħor ta’ militanti sadanittant weħlu sentenzi ta’ priġunerija b’konnessjoni mad-dmija, bil-qorti taħfer lil 27 imputat.
L-ewwel attakk fuq il-Mużew ta’ Bardo, f’Tunis ( li seħħ f’Marzu tal-2015) kien qatel 22 persuna u, tliet xhur wara, 38 turist, fil-parti kbira Britanniċi, kienu nqatlu waqt sparatura b’intenzjoni terrorista f’Port El Kantaoui, viċin ta’ Sousse.
Fiż-żewġ azzjonijiet kienu nqatlu wkoll it-tliet terroristi responsabbli – tnejn fil-każ ta’ Bardo u l-ieħor fl-inħawi ta’ Sousse.
Ir-raġel li jaħsbu li kien il-moħħ wara l-attakki – Chamseddine al-Sandi – għadu qed jiżgiċċa lill-ġustizzja, għalkemm hemm ukoll rapporti li al-Sandi seta’ spiċċa maqtul waqt rejd mill-qawwiet tal-ajru Amerikani fil-Libja.
Intant, saru żewġ proċessi tal-qorti dwar l-attakki terroristiċi fit-Tuniżija li ħadu responsabbiltà għalihom il-militanti tal-ISIS.
Fil-ġuri ta’ Sousse, erba’ militanti ngħataw sentenzi ta’ ħabs għal għomorhom waqt li ħamsa oħra weħlu sentenzi ta’ bejn sitt xhur u 16-il sena priġunerija. Intant, 17-il imputat kienu maħfura mill-akkużi.
Fil-każ tal-Bardo, tliet imputati wkoll weħlu għomorhom il-ħabs, b’numru ta’ imputati jingħataw sentenzi inqas ta’ priġunerija, b’għaxra jkunu liberati.
Mindu seħħew l-attakki, it-Tuniżija baqgħet tosserva stat ta’ emerġenza. Iżda għalkemm it-terrur kien ħalla impatt terribbli għat-turiżmu, din l-industrija, illum, tidher li qed tirkupra, bl-operaturi tat-tours qed jirritornaw f’dan il-pajjiż u meta numru ta’ Stati mgħadhomx jipprojbixxu l-ivvjaġġar lejn it-Tuniżija.
//= $special ?>

