Lokali

Imfakkar artist Malti tas-seklu 20

Statwi li jmorru lura ‘l fuq minn 100 sena f’post wieħed f’wirja li qed issir f’Ħal Qormi.

Artist Qormi li kien popolari ħafna fil-bidu tas-seklu 20 għax-xogħol mill-isbaħ fil-kartapesta – Carmelo Mallia, magħruf aħjar bħala ‘il-Lhudi’, għamel diversi statwi li għadom sa llum-il ġurnata jintużaw għal diversi armar ta’ festi esterni kemm f’Malta u anke f’Għawdex.

Net News iltaqa’ mal-Viċi President tal-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi, Pawlu Sammut li qalilna li bħala kumitat iltaqgħu ma’ diversi għaqdiet minn lokalitajiet differenti biex ikunu jistgħu jtellgħu din il-wirja.

L-iskop tagħhom huwa biex ifakkru lil dan l-artist Malti li sfortunatament ismu qed jintesa maż-żmien, bħal dak ta’ diversi artisti oħra.

Waħda mill-eqdem statwi f’din il-wirja hija dik ta’ San Ġorġ Martri li tmur lura għall-1917. Fil-wirja hemm ukoll diversi statwi ta’ kull qies b’dettall mill-isbaħ.

Dan l-artist kien magħruf li jaħdem b’ħafna personaġġi fl-istatwi tiegħu minflok qaddis wieħed għal kull statwa. Il-laqam tiegħu ħareġ hekk kif kien joħloq kostumi sempliċi u naturali bħal tal-Lhud.

Pawlu Sammut qalilna iktar dwar Carmelo Mallia.

Din il-wirja tinsab miftuħa għall-pubbliku sal-Ħadd 17 ta’ Frar ġewwa ċ-Ċentru tal-Armar San Ġorġ, Ħal Qormi.