Futbol Sport

Inter jirritornaw għar-rebħ b’gowl tas-sostitut Martinez

(Ritratt: EPA)
Napoli miżmuma minn Fiorentina

Gowl tas-sostitut Lautaro Martinez kien biżżejjed biex Inter jirritornaw għar-rebħ b’rebħa ta’ 1-0 fuq Parma fi Stadio Ennio Tardini. Inter kienu għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa u l-ewwel gowls fil-kampjonat fl-2019 wara draw kontra Sassuolo u telfiet konsekuttivi kontra Torino u Bologna. Ir-rebħa għal Inter kienet meritata hekk kif wara li l-ewwel taqsima kienet pjuttost bilanċjata, it-tim ta’ Luciano Spalletti ddomina t-tieni taqsima.

Parma marru l-aktar qrib li jiskorjaw fl-ewwel taqsima fil-21 minuta b’ħarba tipika ta’ Gervinho li daħal fil-kaxxa u ċċentra ruħu qabel spara xutt li stampa mal-mimduda. Inter kienu għoddhom fetħu l-iskor fl-54 minuta meta minn korner mix-xellug, l-iżmarkat Danilo D’Ambrosio għeleb lil Luigi Sepe mill-viċin. Iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee Massimiliano Irrati ġustament ħassar il-gowl minħabba li D’Ambrosio mess il-ballun b’idu.

Marcelo Brozovic laqat il-wieqfa minuti wara, biex fis-77 minuta Inter skorjaw il-gowl tar-rebħa. Ivan Perisic seraq ballun f’nofs il-grawnd, Radja Nainggolan avvanza u għadda vertikalment lejn LAUTARO MARTINEZ li fl-ewwel ballun kważi tilef il-pussess iżda b’xutt b’saħħtu bil-lemin spara wara Sepe.

Fil-logħba l-oħra, Napoli kienu miżmuma 0-0 minn Fiorentina fi Stadio Artemio Franchi. F’dan il-grawnd fl-istaġun li għadda n-Naplitani kienu megħluba 3-0 biex temmew it-tamiet li jirbħu l-kampjonat.

F’din il-logħba, Napoli attakkaw għal ħinijiet u kellhom ukoll diversi okkażjonijiet ta’ skor iżda ma rnexxielhomx jiżblokkaw ir-riżultat. Mertu kbir imur għall-gowlkiper Alban Lafont li ċaħħad lill-avversarji drabi, b’Napoli jfallu tal-anqas erba’ opportunitajiet kbar minn Dries Mertens, Jose Callejon, Piotr Zielinski u Arkadiusz Milik.

Għal Fiorentina dan il-punt jista’ jitqies punt prezzjuż filwaqt li b’dan id-draw, Napoli jistgħu jaraw id-distakk minn ma’ Juventus jitla’ għal 11-il punt.

Tags