Tmiem l-2018 għal Inter għalqet b’rebħiet importanti fuq Napoli u Empoli li bihom saħħew it-tielet post u bir-rendiment li kienu sejrin bih, ħafna kienu qed jiddiskutu min se jispiċċa r-raba’. Iżda wara draw kontra Sassuolo u telfiet konsekuttivi kontra Torino u Bologna, id-distakk tajjeb li kellhom inxtorob u minkejja li jinsabu b’logħba anqas, jinsabu biss żewġ punti fuq Roma u Lazio.
Inċidentalment, Inter se jkollhom imorru fi Stadio Ennio Tardini kontra Parma tim li tilfu miegħu fl-ewwel rawnd u tradizzjonalment ibatu kontrih. Aktar minn hekk, Parma ġejjin minn wirja pożittiva li fiha spiċċaw 3-3 kontra Juventus.
It-tim ta’ Roberto D’Aversa kellu kampjonat pożittiv sa issa u sensiela ta’ riżultati pożittivi tista’ twassal biex jisfidaw għal post fl-Europa League. Il-pressjoni tinsab fuq il-kowċ Luciano Spalletti biex Inter jirritornaw għar-rebħ u tidħol ftit it-trankwillità li bħalissa mhix qegħda hemm.
Fost il-konfronti l-oħra, tispikka l-logħba bejn Fiorentina u Napol fi Stadio Artemio Franchi. Il-kowċ ta’ Fiorentina Stefano Pioli se jkollu jagħmel xi bidliet sfurzati minħabba li Nikola Milenkovic u Marco Benassi huma sospiżi iżda jittama li l-attakk bi plejers bħal Federico Chiesa u Luis Muriel ikompli jiffunzjona.
Il-kowċ ta’ Napoli Carlo Ancelotti jrid isib mezz kif jimmotiva t-tim wara li kienu eliminati mill-Coppa Italia u ċ-Champions League filwaqt li jinsabu disa’ punti wara l-leaders, b’vantaġġ komdu fuq ta’ warajhom.
Din il-ġimgħa kienet karatterizzata mill-aħbarijiet dwar il-captain Marek Hamsik, bin-Naplitani jittamaw li ħarbatx il-konċentrazzjoni tat-tim. Huma se jippruvaw ipattu għat-telfa ta’ 3-0 li kienu sofrew l-istaġun li għadda li kienet temmet il-ħolma tan-Naplitani li jirbħu l-kampjonat.
Serie A
Il-Ħamis: Lazio v Empoli 1-0 , Ilbieraħ: Chievo v Roma 0-3 , Illum: Fiorentina v Napoli 6.00pm , Parma v Inter 8.30pm , Għada: Bologna v Genoa 12.30pm , Atalanta v Spal 3.00pm , Sampdoria v Frosinone 3.00pm , Torino v Udinese 3.00pm , Sassuolo v Juventus 6.00pm , Milan v Cagliari 8.30pm
//= $special ?>