Jekk issir ir-reklamazzjoni tal-art, din mhux se ssir biss biex ikollna l-għelieqi.
Iddikjara dan il-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera waqt laqgħa b’urġenza li l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi sejħet u li fiha laqqgħet lill-kuntratturi.
Dikjarazzjoni li tkompli żżid mat-tħassib tar-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta, b’mod speċjali tax-Xagħjra, li mingħajr konsultazzjoni jafu jispiċċaw bi blokok ta’ appartament quddiem ir-residenzi tagħhom, li sa llum iħarsu lejn il-baħar.
Il-laqgħa saret fl-isfond li fl-aħħar jiem, il-kuntratturi li kellhom skart tal-kostruzzjoni, skoprew li mil-lum għall-għada l-prezz biex jiddisponu minn dan l-iskart kien se jiżdied drastikament b’71%.
Ir-raġuni ewlenija hi li minn 16-il barriera li fiha jista’ jintefa’ r-radam, hi biss waħda li qed tilqa’ l-iskart tal-kostruzzjoni, bil-Ministru Jose’ Herrera jhedded li uża l-poteri tiegħu biex jikkontrolla s-sitwazzjoni.
Qal li jekk irid, il-Gvern jista’ jiffissa l-prezz hu jew saħansitra jissekwestra partijiet minn barrieri eżistenti u lis-sidien iħallashom prezz tas-suq. “Jekk ma jogħgobkomx il-prezz tas-suq, morru għand Maġistrat,” qal Herrera lis-sidien tal-barrieri.
Bħala miżura fl-immedjat, il-Ministru ħabbar li l-prezz għar-rimi ta’ skart ta’ skavar se jiżdied minn €5.5 għal kull tunnellata, għal €8 f’miżura biex is-sidien tal-barrieri jkunu inċentivati jiftħuhom. Madankollu, mistoqsi minn dawk preżenti dwar x’se jiġri bil-prezz tal-iskart tal-kostruzzjoni mħallat, il-Ministru kien bla tweġiba.
Wissa’ wkoll lil dawk quddiemu biex ma jisfruttawx iżżejjed is-suq tal-proprjetà li bħalissa qed iġib flus kbar. Fakkarhom li fl-aħħar snin f’pajjiżna saret kostruzzjoni massiċċa biex illum-il ġurnata 36% ta’ pajjiżna hu mibni … dan b’kuntrast ma’ medja ta’ 4% fl-Ewropa.
Sadattant fl-indirizz tagħhom lil dawk preżenti, uffiċjali tal-MDA appellaw lill-Gvern għal pjan fit-tul u azzjoni serja, hekk kif il-problema se tkompli tiggrava b’mod speċjali jekk isir il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Innutaw kif, anke jekk issir ir-reklamazzjoni tal-art, dan il-proġett jieħu snin twal. Hawn uħud minn dawk preżenti wissew li b’din ir-rata qed jirriskjaw li jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ikollhom jesportaw l-iskart, f’miżura li twassal għal żieda kbira fl-ispejjeż tal-bini.
//= $special ?>