Partit politiku fit-Tajlandja li kien innomina prinċipessa Tajlandiża biex tikkuntesta għar-rwol tal-Prim Ministru issa bidel il-pożizzjoni u kkonferma li ‘se jimxi max-xewqat tar-Re (tat-Tajlandja)’ wara li hu oppona għal dan il-pass.
Ir-Re Vajiralongkorn ħabbar li t-tentattiv għall-poter ‘bla preċedent’ min-naħa tal-Prinċipessa Ubolratana Mahidol ma kienx xieraq, għaliex il-kandidatura tagħha kellha tikser tradizzjoni fejn il-familja rjali Tajlandiża ma tidħol qatt fil-politika.
Fil-fatt, stqarrija mill-Palazz qalet li ‘impenn potenzjali bħal dan jisfida lill-kultura u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż u jitqies bħala ferm inapproprjat’. L-istess stqarrija kkwotat parti mill-Kostituzzjoni li tgħid li l-monarkija għandha żżomm in-newtralità politika.
Intant, il-Partit Thai Raksa Chart li kien innomina lill-prinċipessa qal li qed jikkoopera mad-digriet irjali, b’sens ta’ lealtà lir-Re u lill-membri kollha tal-familja rjali’.
Il-vot tax-xahar id-dieħel fit-Tajlandja se jkun segwit b’attenzjoni madwar id-dinja għaliex dan se jkun l-ewwel opportunità għall-pajjiż biex jirritorna bħala demokrazija wara ħames snin taħt tmexxija militari.
//= $special ?>

