Internazzjonali

It-tieni summit bejn Donald Trump u Kim Jong-un se jsir fil-belt ta’ Hanoi

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li t-tieni summit bejnu u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un se jsir f’Hanoi, il-belt kapitali tal-Vjetnam. Dan wara li Trump, waqt id-diskors State of the Union ta’ jiem ilu, żvela l-impenn biex jiltaqa’ ma’ Kim fil-Vjetnam mingħajr ma kkonferma l-post eżatt tas-summit.

Intant, iż-żewġ mexxejja gse jiltaqgħu bejn is-27 u t-28 ta’ Frar għal taħditiet li mistennija jikkonċentaw fuq l-impenn biex l-Istat komunista jwarrab ċar u tond għall-programm tal-armi nukleari. Dan fost l-aħħar kummenti ta’ Trump li ‘it-tieni summit għandu javvanza l-kawża għall-paċi’.

Ir-relazzjonijiet bilaterali tallum bejn l-Istati Uniti u l-Vjetnam qed jitqiesu bħala ‘mudell’ għal kif jistgħu jiżviluppaw ir-rabtiet futuri bejn Washington u Pyongyang. Wara l-gwerra tal-Vjetnam ( bejn l-1965 u l-1973), li kienet paġna sewda fl-istorja tal-Istati Uniti u li fiha mietu miljuni ta’ ċivili u ġellieda, dan il-pajjiż Asjatiku kattar mill-ġdid ir-relazzjonijiet ma’ Washington filwaqt li baqa’ jiffunzjona bħala Stat komunista.

Il-Vjetnam jitqies ukoll bħala ‘xempju ta’ riforma politika u ekonomika’ li l-Korea komunista tista’ tieħu eżempju minnu. Fl-istess ħin, uffiċjali qrib il-White House qalu li l-Vjetnam intgħażel bħala s-sede għas-summit, f’parti, ‘minħabba li dan il-pajjiż igawdi relazzjonijiet tajbin kemm mal-Istati Uniti kif ukoll mal-Korea ta’ Fuq’.

Sadanittant, Donald Trump spjega li Stephen Biegun, ir-rappreżentant speċjali tal-Istati Uniti, kellu ‘taħditiet produttivi ħafna’ mar-rappreżentanti tal-Korea ta’ Fuq biex iħejju għas-summit imminenti. L-ewwel summit storiku bejn Trump u Kim kien seħħ f’Ġunju li għadda f’Singapore u dan qanqal interess u ottimiżmu fuq livell globali, għalkemm l-iżviluppi konkreti ta’ wara kienu ftit li xejn.

L-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq it-tnejn qalu li kienu impenjati għad-denuklearizzazzjoni iżda ma tawx dettalji dwar kif din se ssir jew dwar kif il-proċess għandu jkun ivverifikat.

Min-naħa tiegħu, ir-rappreżentant, Biegun, dam tlett ijiem għaddej bit-taħditiet fil-penisola Koreana u fejn, fil-Korea ta’ Fuq, iddiskuta ‘l-impenji għal denuklearizzazzjoni sħiħa li kienu trattati fis-summit ta’ Singapore’. Biegun u r-rappreżentant speċjali ta’ Pyongyang, Kim Hyok-chol għandhom jiltaqgħu mill-ġdid qabel is-summit tal-aħħar tax-xahar, bir-rappreżentant Amerikan, fl-aħħar jiem, jaġġorna wkoll lill-Gvern tal-Korea t’Isfel dwar l-aħħar żviluppi fil-proċess delikat.

Sadanittant, l-esperti jwissu li l-Korea ta’ Fuq ma qalet qatt li għandha ċċedi l-armi nukleari mingħajr konċessjoni simili min-naħa tal-Istati Uniti. Dan wara li Donald Trump kien tenna li l-Korea komunista ‘mgħadhiex ta’ theddida mill-aspett nukleari’.