Futbol Sport

Jiħrax id-dwell bejn Man City u Liverpool

(Ritratt: Premier League)

It-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat ħadet żvolta differenti hekk kif l-affarijiet inbidlu f’anqas minn ġimagħtejn. Liverpool kellhom vantaġġ tajjeb ta’ seba’ punti fuq Manchester City iżda wara żewġ draws konsekuttivi kontra Leicester u West Ham fi ftit jiem, biż-żewġ rebħiet ta’ City id-distakk niżel għal tliet punti.

Manchester City rebħu logħba missielta kontra Everton l-Erbgħa li għadda biex laħqu lil Liverpool fil-quċċata b’logħba aktar iżda b’differenza ta’ gowls. Wara dawn iż-żewġ riżultati, il-pressjoni tinsab ftit fuq Liverpool biex jirritornaw għar-rebħ u jikkonfermaw il-potenzjal li jisfidaw sal-aħħar.

Bħala pronostiku, Liverpool għandhom logħba eħfef fuq il-karta hekk kif se jilqgħu f’Anfield lil Bournemouth filwaqt li Manchester City jilqgħu fl-Etihad Stadium lil Chelsea. Bournemouth jinsabu komdi f’nofs il-klassifika iżda b’tama li jippruvaw jisfidaw għal post fl-Europa League. Huma qed jimmiraw li jiksbu t-tielet rebħa fl-aħħar erba’ logħbiet wara perjodu pjuttost negattiv.

Il-logħba ta’ City hi preludju wkoll għall-finali tal-League Cup ġimagħtejn oħra, bil-manager ta’ Manchester City Pep Guardiola jittama li jikseb il-punti massimi kontra tim li kontrih tilef tliet darbiet fil-karriera tiegħu. Chelsea għandhom bżonn il-punti wkoll minħabba li qed jissieltu għal post fiċ-Champions League staġun ieħor. Perjodu ftit diffiċli wassal biex jinsabu biss żewġ punti fuq Manchester United u tlieta fuq Arsenal.

Huma wieġbu għal żewġ telfiet konsekuttivi b’rebħa kbira ta’ 5-0 fuq Huddersfield, logħba li fiha żblokka ruħu Gonzalo Higuain fl-ewwel logħba fi Stamford Bridge. Id-dwell mistenni jkun bejn Higuain u l-attakkant Arġentin ukoll Sergio Aguero.

F’każ ta’ żelqa ta’ Chelsea, Manchester United u Arsenal huma lesti li jieħdu vantaġġ hekk kif għandhom konfronti favorevoli. Ir-Red Devils ġejjin minn perjodu pożittiv filwaqt li Fulham qed jimmiraw għat-tieni rebħa fi tliet logħbiet.

Manchester United għandhom possibbiltà li tal-anqas momentarjament jitilgħu fir-raba’ post wara xhur fis-sitt post u għalhekk mistenni minnhom li joħorġu kkargati għal rebħa. Huma rċevew aħbar tajba hekk kif il-manager temporanju Ole Gunnar Solskjaer u l-attakkant Marcus Rashford rebħu l-unuri tal-manager u l-plejer tax-xahar rispettivament.

Arsenal ukoll se jaffrontaw tim li jinsab fiż-żona tar-relegazzjoni, b’Unai Emery jittama li t-tim tiegħu jwieġeb wara t-telfa kontra Manchester City. Huddersfield jidher li huma destinati għar-relegazzjoni hekk kif jinsabu 13-il punt bogħod mis-salvazzjoni.

Premier League

Illum: Fulham v Man United 1.30pm , Crystal Palace v West Ham 4.00pm, Huddersfield v Arsenal 4.00pm , Liverpool v Bournemouth 4.00pm , Southampton v Cardiff 4.00pm , Watford v Everton 4.00pm , Brighton v Burnley 6.30pm , Għada: Tottenham v Leicester 2.30pm , Manchester City v Chelsea 5.00pm , It-Tnejn: Wolves v Newcastle 9.00pm