Lokali

L-aħħar tislima lil Joe Attard ‘il-Ġermaniż’

L-imħabba u r-rispett li Joe Attard, il-Ġermaniż kien igawdi fost iż-Żebbuġin, is-Sibt wara nofsinhar ħarġet biċ-ċar hekk kif mijiet inġabru biex jgħatuh l-aħħar tislima.

Dan wara li hu tilef il-ġlieda għall-ħajja hekk kif kien wieħed minn żewġt irġiel li x-xahar li għadda nħarqu waqt li kienu qed jiddisponu minn xi materjal pirotekniku biswit il-Kamra tan-Nar ta’ San Ġużepp f’Wied Qirda, Ħaż-Żebbuġ.

Waqt l-omelija li saret fil-Knisja ddedikata lil San Filippu f’Ħaż-Żebbuġ, hu kien deskritt minn Father Marcellino Micallef bħala raġel li wieħed għandu jimxi fuq il-passi tiegħu hekk kif kien raġel umli u mimli kuraġġ.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, Joe ingħata tislima mill-isbaħ hekk kif wara li nħareġ mill-Knisja, ir-reffiegħa ħadu t-tebut quddiem il-każin San Ġużepp akkumpanjat mill-banda tal-istess każin, De Rohan flimkien mal-baned l-oħra tar-raħal.

Preżenti għall-funeral kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia flimkien ma’ diversi uffiċjali tal-Partit.