Ambjent Lokali

“L-ebda interess lejn il-futur” – Il-Kurja tikkritika l-politika ekonomika tal-Gvern li qatt ma tat kas l-impatti ambjentali

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) fi stqarrija qalet li f’daqqa waħda hemm min hu allarmat li l-pajjiż qed jiffaċja kriżi ta’ fejn għandu jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni.

Sostniet li dan huwa suppost ovvju għal min iħares lejn il-futur, iżda ma tantx jidher kien ovvju għal min qed jiġġenera dan l-iskart, u jippermetti li jsir dan l-iskart. Il-Kummisjoni enfasizzat li l-awtoritajiet misshom ilhom jippjanaw biex din il-kwistjoni ma tikbirx għall-istat li qiegħda fiha llum.

Għal snin twal l-awtoritajiet abdikaw mir-responsabbiltà tagħhom li jippjanaw fit-tul u, forsi biex ma jtellfux l-hekk imsejjaħ ‘progress’, ħallew lil setturi ekonomiċi jistagħnew kemm jifilħu biex id-dannu qed ibatih kulħadd. U issa li qed jinqaras il-but ta’ dawk li stagħnew qed insejħu għall-ajjut.

“F’daqqa waħda hemm min hu allarmat li l-pajjiż qed jiffaċja kriżi ta’ fejn għandu jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni”.

Il-KA tħoss li qabel ma wieħed jaħseb għal soluzzjoni għal din il-problema, għandu jirrifletti fuq x’kien li wassal għall-ħolqien tagħha, jiġifieri: il-politika ekonomika li qatt ma tat kas tal-ħela u tal-impatti ambjentali li din iġġib magħha u fir-realtà l-prattiċi fis-settur tal-kostruzzjoni qed jaraw biss il-futur qrib mingħajr l-ebda interess lejn il-ġejjieni.

Ġie msostni li l-prinċipju bażiku li min iħammeġ irid iħallas jitlob li l-piż irid jinġarr minn min, biex jagħmel gwadann ekonomiku sena wara l-oħra, għażel prattiċi mhux sostenibbli, u ħela bl-addoċċ il-ġebla Maltija. Id-domanda hi ħafna ikbar mill-provvista’, jiġifieri li d-domanda ta’ fejn jintrema l-iskart hi ħafna ikbar mill-ispazji li għandu l-pajjiż biex jilqa’ dan l-iskart.

Il-Kummisjoni tenniet li jekk dan hu minnu, din hija ammissjoni ċara li l-iżvilupp li qed isir hu wieħed li mhux sostenibbli, u li qabeż il-limiti li jiflaħ pajjiżna.