Rugby Sport

L-Irlanda tirbaħ kontra t-tim Skoċċiż f’Murrayfield

(Ritratt: Six Nations)

Tries minn Conor Murray, Jacob Stockdale u Keith Earls assiguraw li t-tim nazzjonali Irlandiż jirritorna għar-rebħ meta f’Murrayfield rebħu 22-13 kontra l-Iskozja. L-Irlanda li qed tiddefendi t-titlu mirbuħ is-sena l-oħra, tilfet kontra l-Ingilterra l-ġimgħa l-oħra.

Greig Laidlaw kien poġġa lit-tim Skoċċiż minn fuq wara seba’ minuti minn penalty, iżda tries ta’ Murray u Stockdale flimkien ma’ conversion ta’ Jonny Sexton wasslu biex l-Irlanda marret 12-3 minn fuq wara 17-il minuta.

L-Iskozja taħt it-tmexxija ta’ Gregor Townsend għamlu l-ewwel try tal-logħba man-nofs siegħa logħob permezz ta’ Sam Johnson b’Laidlaw jagħmel il-conversion u naqqas id-distakk għal 12-10. L-Irlanda reġgħet kabbret il-vantaġġ fis-56 minuta bi try ta’ Keith Earls u conversion ta’ Joey Carbery u minkejja li Laidlaw reġa’ naqqas id-distakk minn penalty, Carbery għamel l-iskor finali 22-13.

Wales kisbet it-tieni rebħa konsekuttiva b’rebħa ta’ 26-15 kontra l-Italja fi Stadio Olimpico. Il-kowċ ta’ Wales Warren Gatland għamel xejn anqas minn 10 bidliet mill-aħħar logħba kontra Franza.

Huma fetħu vantaġġ ta’ 12-0 b’erba’ penalties ta’ Dan Biggar fl-ewwel nofs siegħa, iżda l-Italja wieġbet bi try ta’ Braam Steyn u conversion ta’ Allan, bl-istess plejer jiskorja conversion fl-44 minuta biex id-distakk spiċċa biss għal żewġ punti. Sa dak il-ħin, it-tim Taljan kien qed jemmen li seta’ jikseb l-ewwel rebħa fis-Six Nations mill-2015.

Iżda l-ewwel try ta’ Wales skorjat minn Josh Adams fl-54 minuta reġa’ kabbar id-differenza bejn iż-żewġ timijiet b’Biggar jagħmel il-conversion. Huma għalqu l-logħba fid-69 minuta bi try ta’ Owen Watkin u Anscombe għamel l-iskor 25-10 bil-conversion. Edoardo Padovani skorja t-tieni try għall-Italja ħames minuti mit-tmiem biex niżżel id-differenza bejn it-tnejn għal 11-il punt.