Liverpool pattew għall-aħħar riżultati diżappuntanti fil-kampjonat meta għelbu lil Bournemouth 3-0 f’Anfield mingħajr wisq diffikultà biex reġgħu qabżu fil-quċċata tal-Premier League. Intant, ir-Reds iridu jistennew ir-riżultat tal-konfront tal-lum bejn Manchester City u Chelsea, b’rebħa għas-Citizens ittellagħhom mill-ġdid fl-ewwel post tal-klassifika b’differenza ta’ gowls superjuri għal ta’ Liverpool.
Liverpool sabu x-xibka bl-ewwel attakk perikoluż li tellgħu, fejn Sadio Mane (24) sammar ġewwa bir-ras fuq il-kross ta’ Milner. Filwaqt li kien hemm ħjiel ta’ offside għal dan il-gowl, Mane kompla juri li hu fost l-aktar skorers prolifiċi fl-Ingilterra meta rnexxielu jsib ix-xibka fl-aħħar erba’ logħbiet konsekuttivi tal-Premier League.
Qabel il-mistrieħ, Liverpool irduppjaw b’lob perfett ta’ Giorginio Wijnaldum (34) li ħalla lill-gowlkiper Boruc iħares u fl-ewwel ftit minuti tat-tieni taqsima, ir-Reds aċċertaw mill-punti meta azzjoni bejn Keita u Firmino provdiet gowl fuq platt lil Mohamned Salah, bl-attakkant Eġizzjan ma jiżbaljax għat-3-0 finali.
Sadanittant, Manchester United kisbu l-għaxar rebħa mill-ħdax il-logħba fil-kompetizzjonijiet kollha taħt il-manager temporanju Norveġiż Ole Gunnar Solskjaer. Ir-Red Devils għelbu lil Fulham 3-0 fi Craven Cottage biex telgħu momentarjament r-raba’ fil-klassifika.
United iddominaw mill-bidu sat-tmiem, b’Anthony Martial jipprovdi assist għal Paul Pogba biex fetaħ l-iskor fl-14-il minuta u bl-istess Martial jirdoppja għaxar minuti wara biex prattikament temm kull dubju dwar id-destinazzjoni tal-punti. Ir-reazzjoni ta’ Fulham kienet fjakka u f’nofs it-tieni taqsima, Pogba għamilhom tlieta minn penalty wara li Mata twaqqa’ fil-kaxxa fuq l-intervent ta’ Le Marchand.
Id-derby ta’ Londra bejn Crystal Palace u West Ham spiċċat fi draw ta’ 1-1. West Ham kienu marru fil-vantaġġ fl-ewwel taqsima meta Mark Noble (27) skorja minn penalty għall-fawl ta’ Guita fuq Antonio. Intant, Palace xeħtu kollox fuq l-attakk u fil-75 minuta, ix-xutt ta’ Zaha xxellef ma’ saqajn Issa Diop u spiċċa fix-xibka minkejja t-tentattiv iddisprat ta’ Fabianski biex isalva.
Arsenal żammew it-tamiet li jiksbu post mal-ewwel erbgħa tal-Premier League b’rebħa ta’ 2-1 fuq Huddersfield fil-John Smith Stadium. Ir-rebħa kienet l-ewwel waħda għall-Gunners barra minn darhom fil-kampjonat minn Novembru, bil-vantaġġ jasal wara biss 16-il minuta meta Iwobi pprova xutt li ħabat mad-difensur Kongolo u spiċċa fir-rokna tax-xibka. Arsenal għamluhom tnejn minn Lacazette minuta qabel il-mistrieħ u wara li Iwobi u Lacazette, fit-tieni taqsima, tilfu ċansijiet faċli, Huddersfield naqqsu l-marġni b’awto-gowl ta’ Kolasinac għal tmiem pjuttost nervuż għal-logħba.
Cardiff kisbu tliet punti oħra prezzjużi għall-ispejjeż ta’ Southampton (2-1) meta l-Bluebirds qegħdin jiġġieldu biex iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni. Il-gowls kollha waslu fl-aħħar 20 minuta, b’Sol Bamba jiftaħ l-iskor għat-tim ta’ Neil Warnock, bi Stephens jagħmilhom 1-1 għas-Saints wara l-flick-on ta’ Austin fil-ħin miżjud. Imbagħad Kenneth Zohore fl-94 minuta, skorja l-gowl drammatiku deċiżiv għal Cardiff f’jum ieħor emozzjonali li fih il-plejers u l-partitarji fakkru mill-ġdid it-telfa tal-plejer traġiku Emiliano Sala li l-katavru tiegħu kien identifikat wara li ttella’ mill-fdalijiet tal-ajruplan li ġġarraf ix-xahar li għadda fil-Kanal Ingliż.
Kompla jiżdied l-inkwiet għal Everton li sofrew it-tielet telfa konsekuttiva fil-kampjonat, din id-darba għand Watford — bl-inkwiet ikompli jikber għall-manager, Marco Silva, li fl-istaġun li għadda kien imexxi lill-istess Hornets. Is-sostitut Andre Gray skorja l-uniku gowl tal-logħba (65) f’Vicarage Road meta xeħet ġewwa fuq il-kross ta’ Hughes.
Burnley komplew jitbiegħdu miż-żona l-ħamra b’rebħa ta’ 3-1 fuq Brighton fl-Amex Stadium. Il-Clarets issa ilhom seba’ logħbiet mingħajr telfa waqt li Brighton jistgħu jsibu ruħhom fl-inkwiet jekk kemm-il darba jkomplu b’din il-forma negattiva. Żewġ gowls ta’ Chris Wood skurjati fis-26 u l-61 minuta taw vantaġġ komdu lil Burnley. Ashley Barnes fl-74 minuta, għamilhom tlieta għal Burnley minn penalty (wara li l-istess plejer twaqqa’ mill-gowlkiper Ryan) bil-gowl tal-bandiera għal Brighton jiskurjah Shane Duffy bir-ras (76) fuq il-free-kick ta’ Anthony Knockaert.
//= $special ?>