Li l-istudenti jibqgħu jiġu mgħallma f’kontejners, żgur mhux soluzzjoni għall-influss ta’ studenti, fil-maġġoranza barranin, fl-iskola ta’ San Pawl il-Baħar. Dan qalu Patrick Decelis, il-prinċipal tal-Kulleġġ Maria Reġina, li taħtu taqa’ l-iskola tal-istess lokalità.
Decelis qal f’din l-iskola m’hemmx aktar spazju biex il-klassijiet ikunu fil-kontejners. Huwa qal li m’għandu l-ebda intenzjoni li jkompli jpoġġi aktar studenti f’dawn il-“klassijiet”, u li jekk l-iskola l-ġdida ma tkunx lesta sa’ Settembru li ġej, mela jeħtieġ li jkun hemm soluzzjoni oħra. Dan sostnitu wkoll il-Kap tal-iskola Josette Dalmas fejn qalet li hemm il-ħtieġa li jinfetħu skejjel ġodda.
B’rabta ma’ dan, meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti ta’ Net News dwar il-fatt li dawn il-kontejners suppost kellhom ikunu temporanji il-Ministru Evarist Bartolo stess ammetta li dawn ilhom hemm is-snin.
Il-problemi fis-settur tal-edukazzjoni qed jibqgħu jippersistu bl-MUT titkellem fost orajn fuq nuqqas ta’ sigurtà għall-edukaturi, wara serje ta’ inċidenti fl-iskejjel, l-iffullar fil-klassijiet, nuqqas serju ta’ spazju fl-iskejjel, nuqqas ta’ riżorsi materjali u nuqqas ta’ għalliema.
F’kummenti lil The Times of Malta, Decelis qal li dan in-nuqqas fl-ispażju ta’ l-iskola f’San Pawl il-Baħar qed iqajjem tħassib fost il-ġenituri. Fid-dawl ta’ dan l-istess gazzetta saqsiet lill-Ministeru u l-Fondazzjni għall-iskejjel t’Għada fuq il-klassijiet fil-kontejners f’San Pawl il-Baħar u fiż-Żejtun, madankollu baqgħu bla risposta.
Evarist Bartolo pprova jaħrab mill-problemi u nuqqasijiet li hemm fis-settur, u kif l-biża’ u skumdità tal-edukaturi fuq il-post tax-xogħol.
Intant, fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għal-Edukazzjoni Clyde Puli… il-Partit Nazzjonalista qal li s-settur edukattiv jinsab fi kriżi minħabba Gvern bla pjan. Dan hu evidenti anke mill-miżuri li kellu jieħu l-Gvern biex joħloq klassijiet temporanji
L-istqarrija tgħid li flok jhedded bil-pensjonijiet, il-Gvern għandu jara li minnufih ifassal pjan konkret kif se jindirizza d-diffikultajiet tal-għalliema.
Il-Gvern għandu wkoll jieħu b’serjetà l-bini ta’ skejjel ġodda fl-aħjar interess tal-edukaturi u tal-istudenti.
//= $special ?>