Sport Waterpolo

Michael Spiteri Staines jispikka f’rebħa meritata għal Sliema

(Ritratt: Trevor Sollars)

Michael Spiteri Staines kien strumentali biex Sliema Frank Salt għelbu lil Neptunes Leo Vegas 13-9. Ix-xellugi Slimiż skorja sitt gowls, nofshom fl-ewwel sessjoni biex għen lit-tim Slimiż jikseb vantaġġ bikri. Dan il-vantaġġ kien importanti biex Sliema setgħu jamministraw il-logħba aħjar, anki jekk sofrew ir-rimonta ta’ Neptunes li iżda ma kinitx biżżejjed.

Sliema rebħu l-ewwel sessjoni 4-1, b’Neptunes jiskorjaw 0.4 ta’ sekonda qabel it-tmiem miż-żagħżugħ Jake Muscat. F’mument minnhom fit-tieni sessjoni, Sliema kienu jinsabu 7-1 minn fuq u li kieku ma fallewx l-okkażjonijiet li kellhom.

Neptunes daħlu jistrieħu erba’ gowls minn taħt, iżda gowls minn Jeremy Abela, Matthias Azzopardi u Jake Muscat taw xejra differenti lill-konfront. Huma saħansitra kellhom iċ-ċans tad-draw iżda Joseph Sammut salva tajjeb, biex mill-attakk sussegwenti, Sliema għamluhom 9-7 minn Zach Mizzi.

It-tielet gowl fil-logħba ta’ Jake Muscat kien inutli hekk kif Sliema skorjaw tliet gowls konsekuttivi u bdew l-aħħar sessjoni 12-8. Neptunes ma rnexxielhomx jibqgħu fil-logħba, b’Sliema kkontrollaw sat-tmiem għal rebħa importanti bi prestazzjoni tajba.

San Ġiljan TUM Invest kisbu l-ewwel rebħa fl-Enemed Cup wara li għelbu lil Valletta 10-7 meritatament, anki jekk Valletta reġgħu offrew sfida denja. Il-logħba kienet bilanċjata b’San Ġiljan ikollhom vantaġġ minimu għal ħafna ħinijiet.

Fl-aħħar perjodu tat-tielet sessjoni dehru li se jagħlqu l-logħba, iżda gowl ta’ Michele Mifsud fit-tielet sessjoni u doppjetta ta’ Charlie Zammit fl-aħħar sessjoni, reġgħu taw tama żgħira lit-tim Belti. Kien Ben Grech li għalaq il-logħba. Dino Zammit spiċċa l-aqwa skorer b’ħames gowls.

Fl-ewwel logħba fil-ġurnata, Sirens Greentube tħabtu anqas mill-ġimgħa l-oħra biex rebħu 14-5 kontra Exiles Elia Caterers. Protagonist għal Sirens kien ix-xellugi Isaiah Riolo li skorja erba’ gowls fil-bidu tal-logħba.

Sirens, taħt it-tmexxija ta’ John Farrugia, saħansitra kienu 8-0 minn fuq fit-tielet sessjoni permezz ta’ Gianni Farrugia. Il-logħba kienet mirbuħa u mitlufa, b’Exiles jippruvaw jagħmlu l-iskor aktar rispettabbli filwaqt li Sirens kienu qed jilagħbu mingħajr pressjoni għall-kumplament tal-logħba.

EXILES ELIA CATERERS……. 5   SIRENS GREENTUBE…………. 14

(0-4), (0-3), (2-2), (3-5)

Exiles: M. Castillo, C. Von Brockdorf, A. Magri, P. Paris, T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (3), K. Griscti, N. Paris (1), A. Cousin, B. Lanzon (1), S. Apap, M. Martin

Sirens: N. Grixti, J. Ciantar, E. Aquilina (2), Z. Bartolo, M. Grech (1), G. Sammut (1), J. Zerafa Gregory, I. Riolo (4), J. Napier, J. Brownrigg (2), L. Caruana (2), M. Sciberras, G. Galea Curmi, G. Melilo, G. Farrugia

Referees: Massimo Angileri, Neville Mercieca

NEPTUNES LEO VEGAS……… 9   SLIEMA FRANK SALT……….. 13

(1-4), (3-4), (4-4), (1-1)

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (2), K. Erdogan, G. Pace, M. Martellacci, J. Farrugia, J. Muscat (3), S. Busuttil, J. Abela (2), N. Zammit, J. Culic, M. Azzopardi (2), B. Busuttil, S. Stellini, I. Zammit

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta (2), N. Saliba, J. Sciberras (1), M. Meli, B. Cachia, M. Spiteri Staines (6), G. Blundell, M. Cordina (1), D. Fenech, Z. Mizzi (2), N. Bugelli (1), Z. Sciberras, K. Tanti, J. Saliba

Referees: Mario Dalli, Stefan Licari

VALLETTA VIDEOSLOTS……. 7   SAN ĠILJAN TUM INVEST….. 10

(1-2), (2-2), (2-5), (2-1)

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines, A. Agius, P. Borg (4), R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud (1), N. Farrugia, C. Zammit (2), M. Lanzon, L. Gialanze, R. Bonnici

San Ġiljan: J. Tanti, J. Portelli, D. Tully, B. Grech (2), K. Dowling, M. Zammit (2), B. Plumpton (1), C. Farrugia, T. Said, Da. Zammit, J. Bonavia, Di. Zammit (5), T. Micallef, Z. Micallef

Referees: Peter Balzan, Ronnie Spiteri