Sport Waterpolo

Neptunes b’konfront dirett ieħor din id-darba kontra Sliema

(Ritratt: Martin Agius)

Wara r-rebħa meritata kontra San Ġiljan ġimgħa ilu fil-ftuħ tal-Enemed Cup, Neptunes Leo Vegas għandhom konfront dirett ieħor kontra Sliema Frank Salt, f’logħba li tista’ tagħti indikazzjoni tajba għal min jispiċċa fl-ewwel post biex fis-semifinali jilgħab kontra min jispiċċa l-ewwel fażi fir-raba’ post.

Sliema wkoll rebħu l-ewwel logħba tagħhom kontra Birżebbuġa Freeport. Il-kowċ Sergio Afric għandu probabbli l-itwal skwadra f’dan it-tournament u għalhekk jistgħu jitqiesu favoriti minħabba l-kwalità li potenzjalment għandhom.

Iżda wieħed ma jridx inaqqas mill-mertu taż-żgħażagħ ta’ Neptunes li kif urew il-ġimgħa l-oħra, kapaċi jegħlbu wkoll lil Siema, fl-assenza tal-aħwa Camilleri li jinsabu għaddejjin bil-kampjonat tagħhom.

Ir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni San Ġiljan TUM Invest iridu jwieġbu għat-telfa kontra Neptunes b’konfront kontra Valletta Videoslots. Il-Ġiljaniżi mhux biss tilfu fl-ewwel logħba, iżda l-prestazzjoni tagħhom kienet deludenti fejn żgur mhux ftit ħassew in-nuqqas ta’ Matthew Zammit.

Valletta tilfu tliet punti minn taħt ħalqhom wara li għamlu kważi logħba sħiħa minn fuq, bil-kowċ Bogdan Rath se jipprova jisfrutta min-nuqqasijiet li kellhom San Ġiljan fl-ewwel logħba.

Exiles se jilagħbu l-ewwel konfront f’din l-edizzjoni kontra Sirens Greentube, friski mis-suċċess fl-aħħar sekondi kontra Valletta. Fl-aħħar snin, logħba bejn dawn iż-żewġ timijiet dejjem kienet missielta bid-differenza bejn it-tnejn tkun minima.

Kif Jinsabu wara l-ewwel ġurnata: Neptunes 3 punti, Sliema 3 punti, Sirens 3 punti, Exiles 0 punti, Valletta 0 punti, Birżebbuġa 0 punti, San Ġiljan 0 punti

Logħob li jmiss: Illum: Exiles v Sirens 3.00pm , Neptunes v Sliema 4.15pm , Valletta v San Ġiljan 5.30pm