Real Madrid ippreparaw għall-impenn fost il-ġimgħa fiċ-Champions League kontra Ajax bl-aħjar mod possibbli. Huma għelbu lil Atletico Madrid 3-1 fil-Wanda Metropolitana fid-derby Madrilen. B’din ir-rebħa huma qabżu wkoll lil Atletico fit-tieni post tal-klassifika.
It-tim ta’ Santiago Solari fetaħ l-iskor fis-16-il minuta meta minn korner ta’ Toni Kroos, id-daqqa ta’ ras spiċċat fid-direzzjoni ta’ Casemiro li antiċipa l-ħarġa ta’ Jan Oblak u skorja b’konklużjoni fl-arja. Atletico Madrid wieġbu bil-gowl tad-draw fil-25 minuta meta d-difiża avversarja nqabdet fuq sieq waħda, b’Antoine Griezmann jegħleb in-nasba tal-offside wara passaġġ fl-ispazju, avvanza u għadda l-ballun minn bejn saqajn Thibaut Courtois.
Real Madrid reġgħu marru minn fuq fit-43 minuta meta r-referee Xavier Estrada Fernandez ordna penalty għal fawl tad-difensur Jose Gimenez fuq Vinicius Junior. Mill-11-il metru Sergio Ramos għeleb lil Oblak b’xutt fil-baxx għar-rokna. Los Blancos għalqu l-logħba fl-74 minuta meta Luka Modric għadda fuq ix-xellug lejn Gareth Bale li tħalla żmarkat, bil-plejer minn Wales jegħleb lil Oblak b’xutt djagonali fil-baxx.
//= $special ?>