Internazzjonali

Trump…..L-ebda tweġiba dwar il-qtil ta’ Khashoggi

Jamal Khashoggi

Il-Gvern tal-Istati Uniti mmexxi mill-President Donald Trump irrifjuta li jwieġeb għat-talba tal-Kungress Amerikan biex jipprovdi rapport li jiddetermina min kien qatel il-ġurnalista Sawdi, Jamal Khashoggi.

Il-ġurnalista kien spiċċa maqtul f’Ottubru li għadda wara li kien daħal fil-konsulat tas-Sawdi f’Istanbul (fit-Turkija) – bis-Senaturi f’Washington, ftit wara, jinsistu biex l-omiċidju jkun investigat u biex ‘il-White House jagħti aktar informazzjoni’.

Intant – u waqt li l-amministrazzjoni Amerikana tidher li qed tibqa’ kawta ħafna fost il-pressjoni biex tiżvela informazzjoni konkreta – uffiċjal qrib il-White House qal li l-President Trump ‘għandu kull dritt li jżomm din il-pożizzjoni’.

Khashoggi kien kritiku kbir tal-Gvern Sawdi u r-rapporti qalu li l-qattiela tiegħu spiċċaw iqattgħu l-katavru tiegħu li baqa’ ma nstabx sallum. Dan waqt li uffiċjali tas-servizzi sigrieti Amerikani allegaw li ‘azzjoni (qtil) fuq dan il-livell ma setax isir mingħajr l-approvazzjoni tal-Prinċep Sawdi Mohammed bin Salman’.

Fl-istess ħin, uffiċjali Sawdi qed jgħidu li Khashoggi nqatel minn grupp ta’ aġenti ‘li kienu qed jaġixxu b’mod indipendenti’ u li l-qtil ma seħħx fuq xi direttiva tal-prinċep.

Fl-aħħar sigħat, l-amministrazzjoni f’Washington qalet li Donald Trump ‘jirriserva d-dritt li jibqa’ lura milli jwieġeb għat-talbiet mill-kumitati tal-Kungress (Amerikan) meta jħoss li l-pass hu ġustifikat’.

Iżda numru ta’ Senaturi Demokratiċi qalu li l-President Amerikan, b’dan l-atteġġjament, qed jabbuża l-Magnitsky Act (liġi) li jirrikjedi tweġiba għall-mistoqsijiet mill-kapijiet tal-kumitati tas-Senat fi żmien 120 jum.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, kiteb lill-kapijiet tas-Senat fejn fisser l-azzjonijiet li ttieħdu fil-konfront ta’ individwi konnessi mal-każ ‘Khashoggi’ iżda d-dokumenti ma indikawx min kien responsabbli għall-qtil tiegħu bħalma talbu s-Senaturi.

L-Istati Uniti imponiet sanzjonijiet għal 17-il uffiċjal Sawdi, inkluż eks-konsulent għall-Prinċep Salman, fost allegazzjonijiet dwar ‘sħubija fl-ippjanar u t-twettiq tal-azzjoni’ li wasslet għall-qtil ta’ Khashoggi. Iżda s-Senaturi Amerikani komplew jikkritikaw lil Donald Trump talli naqas milli jikkundanna direttament lill-Prinċep Sawdi.