Lokali

X’għandek tagħmel f’każ ta’ emerġenza?

Ħoss ta’ sirena normalment huwa assoċjat ma’ xi emerġenza … iżda għal din id-darba dan ma kienx il-każ.

Dan hekk kif diversi membri li huma assoċjati mal-ewwel għajnuna f’każ ta’ emerġenza, inġabru quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta biex jippromwovu n-numru tal-emerġenza – 112.

Fil-post kienu organizzati diversi attivitajiet għat-tfal biex juruhom fiex jikkonsisti x-xogħol tal-uffiċjali tal-Pulizija, tobba, tal-Protezzjoni Ċivili, u oħrajn.

Net News tkellem ma’ wħud mit-tfal li kienu qed jieħdu sehem fl-attivitajiet li ġew organizzati għal dan il-jum.

Tul din l-aħħar sena, is-servizzi tal-emerġenza bdew jaħdmu fuq sistemà ġdida fejn dawk li jċemplu għall-għajnuna, jingħataw gwida ta’ x’għandhom jagħmlu pass pass biex jgħatu s-CPR lill-persuna fil-bżonn biex b’hekk potenzjalment isalvaw ħajja sakemm tmur l-ambulanza fil-post.

Id-direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila spjegalna l-importanza ta’ attivitajiet simili, kemm għall-adulti iżda wkoll għal tfal ta’ kull età.

Matul il-ġurnata wieħed seta’ jara kif jaħdmu l-membri ta’ dawn l-għaqdiet, filwaqt li jitgħallem dwar wieħed x’għandu jagħmel f’każ ta’ emerġenza.

Fil-post kien hemm ukoll il-blood donation unit fejn wieħed seta’ jgħati d-demm.